Il-President George Vella, akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, laqa’ żjara ta’ korteżija mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Polonja, Zbigniew Rau, fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Qabel kollox, il-President Vella feraħ lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Rau għall-ftuħ uffiċjali tal-Ambaxxata Pollakka f’Malta, li sar aktar kmieni matul il-ġurnata. Dan huwa avveniment importanti ieħor fir-relazzjonijiet bilaterali li jixpruna aktar tisħiħ tar-rabtiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li jippromwovi l-fehim reċiproku u jrawwem il-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess komuni.
Id-diskussjoni ffokat l-aktar fuq il-gwerra Russa fl-Ukrajna u fuq l-impatt tagħha fuq l-istabbiltà globali u kif din qiegħda tfixkel l-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli. Il-President Vella tenna l-pożizzjoni ta’ Malta li n-newtralità tagħha ma xxekkilhiex milli tikkundanna b’mod kategoriku u ċar l-aggressjoni Russa. Iż-żewġ partijiet qablu li l-iżviluppi fil-Mediterran u l-Afrika jistħoqqilhom attenzjoni xierqa peress li huma marbuta b’mod intrinsiku mal-istabbiltà tal-UE. Huma meħtieġa wkoll diskussjonijiet dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni.
Il-President Vella fakkar iż-żewġ żjarat tiegħu fil-Polonja minn meta beda l-kariga, l-ewwel waħda fl-2019 u t-tieni fl-2020, li matulhom kellu l-opportunità jattendi kommemorazzjonijiet u avvenimenti sinifikanti li jpoġġu lill-Polonja fil-qalba tal-iżviluppi Ewropej u globali. Il-President irrefera wkoll għaż-żjara f’Malta mill-President Andrzej Duda biex jattendi għal-Laqgħa Informali tal-Kapijiet ta’ Stat Mhux Eżekuttivi tal-UE li ġiet organizzata mill-President Vella f’Ottubru tal-2022.
Ritratti (OPR)


