The President of Malta

Il-President George Vella jinawgura wirja tal-arti ‘But I See Beauty’

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President George Vella nieda l-wirja tal-arti bit-titlu “But I See Beauty”, b’risq il-Malta Community Chest Fund, bix-xogħol ta’ 35 artist li b’ġenerożità offrew ix-xogħol tagħhom biex jinġabru fondi għal din il-kawża nobbli.

Matul it-tnedija tal-wirja, il-President Vella rringrazzja lill-artisti kollha u lill-Kumitat tal-Arti għall-isforzi biex ix-xogħlijiet tal-arti, li ser ikunu offruti għall-bejgħ fuq il-bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel, jiġu vvalutati u apprezzati minn esperti u kollezzjonisti.

“Kemm hemm bżonn li jkun hemm miftuħ u attivat mill-iktar fis possibbli f’pajjiżna mużew tal-arti kontemporanja. Għandna ħafna biċċiet klassiċi fil-mużewijiet tagħna imma l-kontemporanju ħafna minna ma nafuhx u inqas ma nkunu esposti għalih, speċjalment uliedna, inqas se jifhmuh u inqas se jaqrawh,” qal il-President George Vella waqt li sejjaħ biex l-arti u l-artisti f’Malta jingħataw iktar promozzjoni.

Is-Sur Lawrence Pavia, Chairperson tal-Kumitat tal-Arti fi ħdan il-MCCF, qal li din is-sena, minflok avveniment ta’ ġbir ta’ fondi fil-forma ta’ rkant tal-arti, ser tiġi organizzata wirja kurata.

Is-Sa Melanie Erixon, kuratriċi tal-wirja, qalet li t-tema “But I See Beauty” offriet sfida lill-artisti biex joħolqu xogħlijiet tal-arti li joriġinaw minn element li jista’ jitqies bħala ikrah/spjaċevoli/mhux attraenti u jittrasformawh fi sbuħija.

Filwaqt li kkwotat lil Konfuċju, “kulħadd għandu sbuħija, iżda mhux kulħadd jaraha”, is-Sa Erixon qalet li l-wirja għandha l-għan li tesplora kif l-arti tista’ turi s-sbuħija fejn wieħed l-inqas li jistennieha u kif l-artisti jistgħu joħorġu s-sbuħija mill-kruha.

Il-pubbliku jista’ jżur il-wirja fis-Sala Antoine De Paule fil-Palazz ta’ Sant’Anton nhar ta’ Sibt u Ħadd bejn illum (is-Sibt 8 ta’ Ottubru) u l-Ħadd 23 ta’ Ottubru bejn id-9:00 u n-12:30 u bejn il-17:00 u t-20:00. Ix-xogħol kollu għall-wiri jinsab fuq art4mccf.mt

Il-wirja qiegħda tittella’ bl-appoġġ ta’ APS Bank, Atlas Insurance u M. Demajo Group.

Skip to content