The President of Malta

Il-President George Vella jindirizza l-World of Work Summit 2023: Social Justice for All, organizzat mill-ILO

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

“Huwa biss billi nirrikonoxxu d-diversità li nistgħu nieħdu pożizzjoni attiva favur l-aċċettazzjoni, l-inklużjoni u l-emanċipazzjoni tal-elementi kollha tas-soċjetà”, qal il-President ta’ Malta George Vella fl-indirizz tiegħu lill-kapijiet ta’ stat u lill-mexxejja ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali fil-World of Work Summit: Social Justice for All, organizzat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) f’Ġinevra, l-Iżvizzera.

Il-President qal li biex kulħadd ikun jista’ jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu, irridu nagħmlu l-isforzi kollha biex niżguraw il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd u biex noħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa fl-ambjent domestiku tagħna, u dan jinkludi azzjoni leġiżlattiva. “Fejn tidħol il-koeżjoni soċjali, il-Gvernijiet għandhom rwol essenzjali billi jagħrfu li din hija kruċjali biex jitkompla t-tkabbir ekonomiku u għat-titjib fil-pajjiżi rispettivi tagħhom”, stqarr il-President.

Il-President Vella tkellem ukoll dwar ir-rwol kruċjali tan-nisa fis-soċjetà u esprima l-konvinzjoni tiegħu li l-momentum li nkiseb biex tingħeleb id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri u biex jiġu żgurati d-drittijiet tan-nisa għandu jservi ta’ ispirazzjoni qawwija għall-mexxejja biex jeżaminaw ir-ritmu tal-progress u jiżguraw li l-Gvernijiet jieħdu impenji sodi biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri matul ħajjitna.

B’referenza għas-settur tal-impjiegi ta’ Malta, il-President Vella qal li Malta ser tkompli taħdem fuq elementi mid-Dikjarazzjoni taċ-Ċentenarju għall-Futur tax-Xogħol, b’mod partikolari billi tieħu approċċ iffokat fuq il-bniedem għar-riformi relatati mad-dinja tax-xogħol. Fil-livell internazzjonali, il-President saħaq li huwa biss billi naħdmu flimkien u b’solidarjetà ma’ xulxin li nistgħu niffaċċjaw b’suċċess l-isfidi l-ġodda.

“Il-multilateraliżmu mhuwiex għażla, iżda ħtieġa hekk kif qegħdin nistinkaw biex nibnu mill-ġdid aħjar għal dinja aktar ugwali, aktar reżiljenti u aktar sostenibbli. Huwa biss permezz ta’ azzjoni kollettiva li nistgħu tassew nirkupraw flimkien. Għal din ir-raġuni, il-mandat tal-ILO sar aktar rilevanti minn qatt qabel”.

Fid-diskors tiegħu, il-President Vella qal li t-trawwim ta’ perkorsi ta’ tagħlim inklużivi, ekwi u mingħajr limiti, l-appoġġ għat-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd, u l-investiment fil-kapital uman permezz tal-iżvilupp ta’ suq tal-ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati huma tliet pilastri importanti biex jissaħħaħ il-progress ekonomiku, b’kunsiderazzjoni għall-benesseri soċjali tagħna u l-ugwaljanza tad-drittijiet għal kulħadd.

Fil-marġni tal-World of Work Summit, il-President Vella kellu wkoll laqgħa ma’ Gilbert Houngbo, Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol. Id-diskussjoni ffokat fuq il-ġustizzja soċjali, u l-President enfasizza l-ħtieġa għall-kredibbiltà fil-provvediment tal-bżonnijiet u s-servizzi bażiċi. L-implimentazzjoni hija kruċjali f’dan ir-rigward. It-tnejn li huma qablu dwar l-importanza li jogħla l-livell tad-dibattitu politiku internazzjonali dwar il-ġustizzja soċjali.

Il-President iltaqa’ wkoll ma’ Filippo Grandi, Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati, u d-diskussjoni ffokat fuq is-sitwazzjoni globali inkwetanti tar-refuġjati, bin-numri jirdoppjaw f’10 snin. Ir-raġunijiet fil-qalba tal-problema jvarjaw mill-gwerra, id-demografika, l-inugwaljanzi, il-provvista tal-armi u t-tibdil fil-klima. Kellhom ukoll diskussjoni dettaljata ħafna dwar ix-xenarji tal-migrazzjoni fil-Libja u t-Tuneżija. Is-Sur Grandi rringrazzja lil Malta għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-UNHCR Malta u l-awtoritajiet Maltin.

Il-President Vella kellu wkoll laqgħat separati ma’ Sheikh Hasina, Prim Ministru tar-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladesh, bid-diskussjonijiet jiffokaw fuq il-komunità Bangladesha mdaqqsa f’Malta u ż-żieda fil-kollaborazzjoni fi ħdan il-Commonwealth, u ma’ Najla Bouden, Prim Ministru tat-Tuneżija, biż-żewġ partijiet jirreferu għall-isfidi reġjonali attwali b’mod speċjali s-sitwazzjoni tal-migrazzjoni li qiegħda tiżviluppa fit-Tuneżija.

Ritratti: OPR

Skip to content