Il-President ta’ Malta, George Vella, kellu laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, António Guterres, li faħħar ferm lil Malta għall-ħidma tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda bħala Membru mhux Permanenti. Irrefera b’mod partikolari għall-mod kif il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tas-Sigurtà li kienet mifruxa matul ix-xahar ta’ Frar irnexxielha tindirizza dossiers sensittivi ħafna b’suċċess kbir. Il-gwerra fl-Ukrajna u l-effetti tagħha fuq l-affarijiet globali kienu fiċ-ċentru tat-taħditiet. Tqajmet ukoll l-istabbiltà fil-Mediterran b’enfasi speċifika fuq il-Libja. Sar ukoll skambju ta’ fehmiet dwar il-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani fid-dawl tal-eskalazzjoni inkwetanti reċenti fit-territorju.
Nhar it-Tlieta filgħodu, il-President Vella għamel diskors waqt Dibattitu Miftuħ dwar il-Protezzjoni tal-Persuni Ċivili f’Kunflitt Armat organizzat mill-Presidenza Żvizzera tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Il-President irrimarka li l-ħajjiet ta’ miljuni ta’ persuni ċivili madwar id-dinja għadha qed tiġi “mxekkla minn diversi kriżijiet”, inkluż il-ġuħ ikkawżat mill-kunflitti, il-vjolenza mmirata, iċ-ċaqliq minn darhom u t-tibdil fil-klima. “Mir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali sal-Afganistan, il-Myanmar u l-Etjopja, il-korrelazzjoni bejn il-kunflitt u l-ġuħ hija evidenti”, qal il-President.
Saret referenza wkoll għall-kriżijiet u l-emerġenzi umanitarji kumplessi attwali f’diversi partijiet tad-dinja, bil-President Vella jistqarr li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda jrid jiżgura l-protezzjoni tal-persuni ċivili u jsostni aċċess u appoġġ umanitarju. “Xkiel arbitrarju, diskriminatorju u burokratiku li jfixkel l-għoti rapidu tal-għajnuna li hija essenzjali huwa inaċċettabbli, għax mingħajr aċċess umanitarju f’waqtu, ma jistax ikun hemm rispons umanitarju sinifikanti”, qal il-President filwaqt li laqa’ l-adozzjoni reċenti tar-Riżoluzzjoni 2664, li tipprevedi eżenzjoni umanitarja għar-reġimi kollha ta’ sanzjonijiet min-Nazzjonijiet Magħquda. Il-President tenna l-pożizzjoni ta’ Malta li “l-persuni ċivili mhumiex u m’għandhom qatt ikunu fil-mira. Il-ħaddiema u l-voluntiera umanitarji li jgħinuhom m’għandhomx ikunu fil-mira. L-oġġetti u s-servizzi indispensabbli għas-sopravivenza tal-popolazzjonijiet ċivili m’għandhomx ikunu fil-mira. Dawn id-distinzjonijiet huma ċari. Qatt ma jista’ jingħad li ma konniex nafu.”
Il-President Vella ħeġġeġ aktar finanzjament għar-risponsi umanitarji. “Barra minn hekk, irridu nevitaw li naraw armi u munizzjon jaslu kontinwament f’żoni ta’ kunflitt, filwaqt li l-persuni ċivili f’dawn iż-żoni huma mhedda mill-ġuħ – jekk mhux mill-mewt – minħabba li l-konvojs umanitarji ma jkunux jistgħu jaslu għandhom. L-uġigħ u l-biki ta’ tant irġiel, nisa u tfal iridu jingħataw widen. Id-dinja sserraħ fuq il-ħidma u t-tmexxija ta’ dan il-Kunsill biex jipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli mill-periklu, mit-tbatija jew agħar minn hekk,” ikkonkluda l-President.
Wara d-Dibattitu Miftuħ, il-President Vella kellu laqgħat bilaterali separati ma’ Alain Berset, President tal-Konfederazzjoni Żvizzera, Mariam bint Mohammed Saeed Hareb Almheiri, Ministru għat-Tibdil fil-Klima u l-Ambjent fl-Emirati Għarab Magħquda, u Mirjana Spoljaric Egger, President tal-International Committee of the Red Crisis (ICRC).
Fi New York, il-President Vella kellu laqgħa bilaterali ma’ Filipe Jacinto Nyusi, il-President tal-Mozambique. Huma ddiskutew opportunitajiet possibbli ta’ kooperazzjoni fl-oqsma tal-investiment, l-edukazzjoni, il-kwistjonijiet marittimi u t-turiżmu. Iż-żewġ partijiet qasmu fehmiet ukoll dwar l-istabbiltà fl-Afrika u kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni.
Il-President kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda, Vanessa Frazier, is-Segretarju għall-Presidenza, Rosette Spiteri Cachia, u l-Ambaxxaturi Helga Mizzi u Olaf Terribile.

