The President of Malta

Search
Close this search box.

Il-President George Vella jwissi kontra l-użu ta’ lingwaġġ degradanti li għadu l-għerq tat-tbatija u l-inġustizzja li jsofri l-bniedem

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Jum it-Tifkira tal-Olokawst, qal il-President ta’ Malta, George Vella, għandu jkun okkażjoni fejn tiġi miċħuda kull attività politika u militari li għandha l-għan li tjassar, tumilja jew tissegrega l-bnedmin minħabba n-nazzjonalità, l-etniċità, ir-reliġjon jew ir-razza. “Dan nafuh lill-vittmi li ħallsu l-ogħla prezz u lill-membri tal-familja tagħhom li, sal-ġurnata tal-lum, għadhom jibku dak li ġara għexieren ta’ snin ilu. Irridu nagħmlu l-aħjar użu mit-tagħlimiet li suppost ħadna. Iżda l-aktar importanti, dan nafuh lill-irġiel, nisa u tfal li għadhom qed jiġu ppersegwitati llum,” stqarr il-President Vella waqt iċ-ċerimonja annwali tat-Tifkira tal-Olokawst fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

Il-President Vella nnota li 80 sena wara x-Shoah, għadu qed jara li mentalità ta’ mewt, tjassir u karatteristiċi ta’ politika li nibtu f’dak iż-żmien biex jinqerdu tant miljuni ta’ nies innoċenti għadha qed tiġi applikata u implimentata madwar id-dinja bi ftit jew xejn mistħija jew rimors, iġġustifikata minn leġiżlazzjoni domestika u alleanzi diplomatiċi. “Illum, sfortunatament, hemm bnedmin li għadhom jiffaċċjaw dawn l-atroċitajiet, minkejja li mhux f’tant numri kbar flimkien. L-ideoloġija li ċerti persuni huma superjuri għall-oħrajn għadha teżisti,” qal il-President waqt li nnota li nammettu jew ma nammettux, din hija l-għerq tar-razziżmu, il-ksenofobija, id-diskriminazzjoni u l-apartheid.

“Miljuni ta’ trabi mhux imwielda qed jinqatlu qabel biss ikollhom il-possibbiltà li jaraw id-dawl tal-jum. Miljuni oħra qegħdin jgħixu fl-aktar kundizzjonijiet miżeri, mingħajr l-essenzjali bażiċi għal ħajja dinjituża, mgħaddsa fil-faqar, b’nuqqas ta’ ikel, fi stat dejjiemi ta’ malnutrizzjoni, mingħajr lanqas l-aktar servizzi bażiċi tas-saħħa u bl-ebda servizz tal-edukazzjoni.” L-ironija ta’ dan, żied jgħid il-President, hija li f’ħafna każijiet tali tiċħid jgħaddu minnu nies li qegħdin jgħixu f’pajjiżi għanja fir-riżorsi, li sfortunatament qed jiġu sfruttati minn interessi kummerċjali multinazzjonali u politika ta’ regħba.

Fid-diskors tiegħu, il-President Vella wissa li s-segregazzjoni permezz ta’ mezzi politiċi u legali u l-użu ta’ lingwaġġ u politiki degradanti li jwaqqfu konfini mentali u fiżiċi bejn l-“aħna” u l-“huma” għadhom l-għerq tat-tbatija u l-inġustizzja li jsofri l-bniedem. “Bl-intenzjonijiet tajba kollha mistqarra fuq skala internazzjonali, u l-wegħdiet kollha biex ma nħallux li terġa’ sseħħ id-degradazzjoni tal-bniedem li għaddew minnha miljuni ta’ nies matul l-Olokawst, għandna naġixxu aħjar. Għandna niċħdu l-politika tal-firda u minflok nippromwovu l-politika tal-paċi, id-djalogu u l-inklużjoni,” għalaq il-President.

It-tifkira tal-Olokawst kienet organizzata mill-Uffiċċju tal-President u mill-Ambaxxata tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. It-tifkira spiċċat b’talba mmexxija mir-Rabbi Chaim Segal.

Skip to content