The President of Malta

Il-President ifaħħar lis-Servizz Pubbliku għall-inizjattivi favur il-ħarsien tal-ambjent

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Waqt iċ-ċerimonja tal-Public Service Awards, li ġabet fi tmiemha s-seba’ edizzjoni tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, il-President ta’ Malta George Vella faħħar il-miżuri li qed jieħu s-Servizz Pubbliku favur il-ħarsien tal-ambjent.

Semma l-isforzi tas-Servizz Pubbliku biex ikun fuq quddiem nett fil-pajjiż li jibdel il-flotta tal-vetturi tiegħu għal waħda moderna u bl-inqas tniġġis possibbli, kif ukoll ix-xogħol u l-miżuri kollha li ħa biex inaqqas l-użu tal-karta. Kellu wkoll kliem sabiħ dwar il-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ li wettaq is-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar jiem biex jiġi żgurat li pajjiżna mhux biss jagħraf, iżda wkoll jieħu ħsieb, il-ġmiel naturali u l-wirt arkitettoniku tiegħu.

Dwar it-tliet pilastri li fuqhom hija msejsa l-istrateġija l-ġdida tas-Servizz Pubbliku – in-nies, is-servizz, u t-teknoloġija – il-President qal li dawn ma jistgħux joperaw tajjeb jekk ikunu mifrudin minn xulxin għax huma kumplimentari ma’ xulxin u importanti indaqs. Filwaqt li nnota l-aċċenn qawwi li qed isir għall-kwalità u l-viżjoni ta’ fejn irridu li jitwassal is-Servizz Pubbliku fil-ħames snin li ġejjin, il-President faħħar il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, li kienet suċċess b’laqgħat dwar il-politiki li minnhom ħarġu dettalji importanti u viżjoni ċara ta’ strateġija biex il-klijent jibqa’ dejjem fuq quddiem b’servizz mogħti lilu li jkun ta’ eċċellenza u li jagħmel lil pajjiżna unur, anke internazzjonalment.

“Kif inhu xieraq, is-Servizz Pubbliku ma jitkellimx biss dwar il-klijenti tiegħu imma jħares ukoll lejn l-obbligi tiegħu stess lejn is-soċjetà”, qal il-President. “Bla dubju, waħda mit-tagħlimiet li ġabet magħha l-pandemija hija kemm ir-remote working, meta mħaddem tajjeb, iwassal għal riżultati pożittivi kemm għall-klijient kif ukoll għall-uffiċjal u l-istituzzjoni nnifisha. Mhux hekk biss, ir-remote working se jwassal għal inqas traffiku fit-toroq u inqas traġitti. Ħafna uffiċjali se jkunu iktar sodisfatti. L-istess bħal meta qed taqdu lill-klijenti tagħkom mhux biss il-Belt u fl-uffiċini imma fil-hubs fiċ-ċentri tal-irħula. Ftit passi ‘l bogħod minn djarhom stess, in-nies ikunu qegħdin jirċievu servizz.” Huwa esprima wkoll il-qbil tiegħu mal-inizjattiva sabiex l-istudenti tal-lum jagħrfu fis-Servizz Pubbliku opportunità għal karriera li taf tkun ta’ sodisfazzjon daqs, jekk mhux iktar, minn oħrajn fis-settur privat.

Il-President feraħ f’isem il-poplu Malti lil dawk li ngħataw rikonoxximent u qal li dawn spikkaw mhux biss bir-riżultati tanġibbli li kienu kapaċi jiksbu, iżda wkoll b’għemilhom u bl-eżempju li taw lill-uffiċjali l-oħrajn fis-Servizz Pubbliku. Huwa esprima x-xewqa tiegħu li din l-okkażjoni sservi wkoll bħala turija ta’ rispett u ta’ apprezzament lill-membri kollha tas-Servizz Pubbliku, f’kull livell, li ta’ kuljum jagħtu sehemhom biex il-pajjiż ikompli jistagħna, il-pubbliku jkompli jinqeda, u r-rota tal-amministrazzjoni tkompli tagħti s-servizzi meħtieġa.

Skip to content