The President of Malta

Il-President iħabbar il-ħolqien tal-Fundazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE PRESIDENT

Il-President ta’ Malta, George Vella ħabbar li l-Presidenza se toħloq il-‘Fundazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali’ bil-għan li tindirizza b’mod tanġibbli—anki billi tisma’ mingħand il-poplu nnifsu—dak li għad fadal xi jsir biex jitnaqqsu l-firdiet ta’ bejnietna. L-oqsma li ġew identifikati f’dan ir-rigward ivarjaw mill-ambjent għall-ġurnaliżmu, l-edukazzjoni, il-partiġġjaniżmu politiku, u oħrajn.

Il-Kap tal-Istat kien qed jitkellem fi tmiem laqgħa nazzjonali ta’ ġurnata li saret fil-Palazz Verdala u online, u li matulha tħabbru u ġew diskussi r-riżultati tal-ewwel stħarriġ xjentifiku tax-xorta tiegħu f’Malta dwar kif qed tevolvi l-identità nazzjonali Maltija, bit-tema ‘L-Istat tan-Nazzjon’. L-istħarriġ sar b’inizjattiva tal-istatistiku u lettur universitarju Vincent Marmarà u tal-konsulent dwar il-komunikazzjoni strateġika Lou Bondì taħt il-patronċinju tal-President u bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-President. Fil-laqgħa ħadu sehem 24 kelliem minn oqsma differenti tal-ħajja maqsumin fuq sitt diskussjonijiet tematiċi, kif ukoll il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Il-President qal li, minkejja li jirriżulta mill-istħarriġ li aħna kburin li aħna Maltin u li nafu bil-fatturi li jnisslu fina sens ta’ identità, xorta waħda għadna naraw firdiet kbar fostna. Huwa saħaq li kulħadd fostna jista’ jagħmel xi ħaġa f’dan ir-rigward: “L-ewwel wieħed jiena li, bħala l-President tal-poplu Malti kollu kemm hu, irrid nagħti kontribut għal-pajjiż inqas mifrud. Diġà bdejt naħdem fuq dan il-għan permezz tal-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali ta’ Frar li għadda, u se nkompli bil-ħidma tiegħi għall-kisba ta’ aktar għaqda bejnietna. Inħoss li l-materjal u d-diskussjonijiet dettaljati li ħarġu llum jagħtu bażi iktar soda biex nersqu aktar qrib ta’ xulxin u nitgħallmu nisimgħu aktar u nirrispettaw id-diversità ta’ bejnietna l-Maltin u anki ma’ dawk il-barranin li, għal raġuni jew oħra, jinsabu fostna. Kif sostnejt meta nedejt dan il-proġett favur l-għaqda nazzjonali, konferenza ta’ darba mhix biżżejjed u nħoss il-ħtieġa ta’ struttura ddedikata għal dan l-għan. L-okkażjoni tal-lum kienet waħda ta’ inkoraġġiment kbir u se nieħu din l-opportunità biex, f’dan il-kuntest, inħabbar li l-Presidenza se tkun qegħda tagħti ħajja lill-Fundazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali fix-xhur li ġejjin.” Huwa qal li, fi sfond ta’ fundazzjoni bħal din, se nkunu nistgħu bil-mod il-mod nitkellmu b’rispett dwar il-pjaga ta’ partiġġjaniżmu esaġerat li hawn fostna.

Dwar il-laqgħa nazzjonali fuq ‘L-Istat tan-Nazzjon’, il-President irrimarka li l-figuri li ħarġu jagħtu togħma b’saħħitha ta’ kif il-poplu Malti jħares lejh innifsu fuq il-livell taċ-ċittadin, il-mod ta’ kif qed jgħix ħajtu, l-isfidi li qed jaffaċċja, u dawk il-valuri—bħalma hija r-rabta mal-familja—li jiggwidaw l-imġieba u d-deċiżjonijiet li jittieħdu. Fost diversi osservazzjonijiet li għamel dwar dak li rriżulta mill-istħarriġ, innota li ħarġu ċari d-diżappunt li hawn dwar kif qegħdin inkerrħu l-ambjent ta’ pajjiżna b’kostruzzjoni żejda u l-bżonn li nsalvaw l-ambjent tagħna. Staqsa jekk wasalx iż-żmien li lill-ambjent nagħtuh identità ġuridika.

“Illum poġġejna lilna nfusna taħt il-lenti. Konferenzi edukattivi bħalma kienet din żgur li qegħdin ikunu ta’ ġid għall-pajjiż, u se nkompli nibni fuq dan li diġà nkiseb. It-tama tiegħi hija li, anki permezz ta’ diskussjonijiet bħal din tal-lum, fil-kelma ‘nazzjon’ nibdew ukoll inwasslu sens ta’ komunità magħquda. Ninsab ċert li dan kollu li smajna llum iqanqal diskussjonijiet infurmati fid-diversi oqsma tas-soċjetà tagħna, u forsi wkoll inissel ideat jew iwassal għal deċiżjonijiet maħsuba biex ikattru l-ġid l-għaqda bejnietna l-Maltin u l-Għawdxin kollha,” qal il-President.

Skip to content