The President of Malta

Il-President iżur il-Faċilità tal-Iskennjar tad-Dwana fil-Port Ħieles

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella żar il-Faċilità tal-Iskennjar fi ħdan it-Taqsima tal-Monitoraġġ tal-Kontejners tad-Dipartiment tad-Dwana fil-Port Ħieles wara l-qabda rekord riċenti ta’ kokaina. Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana, Joseph Chetcuti, laqqa’ lill-President mal-impjegati u dawru mal-faċilità. Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u uffiċjali għolja tad-Dwana u tal-Port Ħieles.

Il-President sellem u rringrazzja lill-uffiċjali u lill-ħaddiema f’kull livell tal-ħames direttorati tad-Dipartiment kif ukoll lill-klieb imħarrġin tad-Dwana, u qal li din iż-żjara ppermettietlu japprezza b’mod dirett il-valur u l-importanza tax-xogħol li jwettqu. “F’dawn l-aħħar xhur segwejt mill-qrib in-numru ta’ operazzjonijiet ta’ suċċess li, bla dubju, għalihom il-poplu kollu jroddilkom ħajr. Dan għax intom komponent ewlieni biex tiġi żgurata u msaħħa s-sigurtà tagħna lkoll. Ix-xogħol tagħkom huwa imprezzabbli biex jiġi infurzat il-kummerċ leġittimu u biex tiġi żgurata sistema fiskali b’saħħitha u ekwa. Fl-aħħar mill-aħħar, intom tħarsu wkoll l-interess tas-soċjetà u taċ-ċittadin innifsu hekk kif il-ħidma tagħkom tkompli ssaħħaħ il-prinċipji tal-legalità, trasparenza u kontabilità.”

Il-President irrimarka li, fit-taqtigħa kontinwa kontra l-kriminalità u l-kuntrabandu, l-infrastruttura u r-riżorsi umani jeħtieġu tisħiħ u tiġdid bla waqfien. Fuq dawn iż-żewġ fronti, id-Dwana Maltija kompliet tinvesti b’mod konsistenti tul dawn l-aħħar snin. Innota b’sodisfazzjon li d-Dwana għamlet eżerċizzju intern li permezz tiegħu għarfet id-dgħufijiet li kellha; eżerċizzju li wassalha għal pjan, b’objettivi ambizzjużi skont il-viżjoni tagħha. Biex segħet tagħmel dan, ħtiġilha tbiddel u ġġedded kemm l-istrutturi kif ukoll il-ħsibijiet ta’ kif taħdem. Investiet f’apparat u f’tagħlim, u ħolqot sinerġija bejn is-sezzjonijiet biex dawn ifasslu u jwettqu operazzjonijiet flimkien bil-għan li jiġi mxejjen il-kummerċ illecitu, kemm dak destinat għal pajjizna kif ukoll materjal ieħor li jkun għaddej minn għandna għal destinazzjonijiet oħra. Dan kien proċess organizzat li wassal, f’dawn l-aħħar snin, għal qabdiet kbar ta’ droga, dgħajjes intenzjonati għat-traffikar tan-nies, pilloli Tramadol, u materjali oħra maħsuba għal żoni ta’ konflitti, oġġetti kontrafatti, prodotti tat-tabakk, alkoħol, flus kontanti, u oħrajn. Il-President faħħar ukoll lid-Dipartiment tad-Dwana għal kif jirrappreżenta u jiddefendi l-prijoritajiet ta’ Malta fil-livell internazzjonali. “L-isfidi li kontrihom tissielet id-Dwana, qatt ma jistgħu jiġu megħluba minn pajjiż wieħed, f’iżolament. Huwa għalhekk kruċjali, speċjalment fir-reġjun imqalleb tagħna, li nissieħbu fi gruppi u alleanzi li jaqsmu bejniethom l-istess għanijiet.”

Skip to content