Il-President ta’ Malta George Vella u s-sinjura tiegħu żaru wirja ta’ xogħlijiet tal-arti fl-Isptar Mater Dei maħduma minn 16-il frontliner fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa. Din il-wirja hija b’risq l-Istrina 2021.
Il-frontliners ħejjew ’il fuq minn 70 pittura li jistgħu jitgawdew u jinxtraw mill-pubbliku sal-aħħar ta’ Lulju, b’parti mill-qligħ tmur għal The Malta Community Chest Fund Foundation.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-President ta’ Malta rringrazzja lill-frontliners kollha mhux biss ta’ dan il-ġest iżda fuq kollox tad-dedikazzjoni li wrew f’ħidmiethom matul l-aħħar sena u nofs li matulhom offrew servizz lill-pubbliku li kien professjonali, effettiv u ta’ serħan il-moħħ.