Il-President ta’ Malta George Vella esprima x-xewqa tiegħu li jkun hawn djalogi rispettużi u infurmati fuq it-temi li l-aktar li jolqtu lir-residenti tal-bliet u l-irħula. Dawn id-djalogi għandhom iseħħu b’mod ċivilizzat, lil hinn mill-konvinzjonijiet politiċi tas-sindki u l-kunsilliera, dejjem bl-għan aħħari li tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja għal kulħadd, Malti u mhux. Il-President kien qed jindirizza, permezz ta’ messaġġ irrekordjat, lil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Il-President għamel referenza għas-sensiela ta’ laqgħat li kellu fil-ġimgħat li għaddew mas-sindki u r-rappreżentanti reġjonali minn madwar Malta u Għawdex kollha. Qal li dawn il-laqgħat kienu ta’ siwi kbir għalih għax, permezz tagħhom, seta’ jisma’ minn ras il-għajn dwar dak li qed jinkwieta liċ-ċittadini u r-residenti, kif ukoll xi ideat dwar kif il-ħidma tal-kunsilli tista’ tkompli tittejjeb.
“Tista’ tgħid, li minkejja l-karatteristiċi partikolari ta’ kull lokalità, l-isfidi li wassaltuli kienu simili ħafna. Fosthom hemm il-ħarsien tal-ambjent naturali, l-iżvilupp eċċessiv, l-integrazzjoni ta’ komunitajiet ta’ barranin fostna, il-ġbir tal-iskart, il-koordinazzjoni ma’ entitaijiet governattivi u, fuq kollox, ir-rwol u s-saħħa tal-kunsill lokali fil-kuntest dinamiku tal-preżent,” qal il-President. Semma kif sema’ b’interess numru ta’ proposti interessanti u li jixirqilhom kull attenzjoni, fost l-oħrajn il-ħtieġa għal-riformi li jżidu l-awtonomija tal-kunsilli – kemm dik finanzjarja u fejn jidħlu permessi, it-tisħiħ tar-riżorsi umani, kif ukoll ix-xewqa mwassla minn bosta li s-sindki jibdew joperaw f’din il-funzjoni fuq bażi full-time. Dawn huma kollha temi li ta’ min wieħed jixtarr bl-attenzjoni meħtieġa. Irrimarka li, għalkemm m’għandu l-ebda setgħa li jimplimenta dawn it-tip ta’ xewqat, se jwassal dawn il-ħsibijiet lill-awtoritajiet konċernati.
Il-President radd ħajr lill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, għall-appoġġ li jagħti lill-Presidenza sabiex tkompli tersaq qrib il-poplu, kif ukoll lis-sindki u l-kunsilliera kollha għall-appoġġ li jagħtu – min b’donazzjonijiet u min b’sostenn materjali u loġistiku waqt avvenimenti speċjali – lill-Malta Community Chest Fund Foundation. Huwa ħeġġeġ għal aktar ħidma flimkien favur dawk fostna li għandom bżonn l-għajnuna, min għaddej minn xi għawġ, u min forsi qed iħossi imwarrab jew eskluż. Fakkar ukoll li l-kunsilli lokali għandhom funzjoni x’jaqdu favur l-għaqda fil-pajjiż, li tant hawn bżonnha.