The President of Malta

Il-President jiltaqa’ mal-komunità Maltija f’Dubaj

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Fl-aħħar impenn taż-Żjara Uffiċjali fl-Emirati Għarab Magħquda, il-President George Vella u s-Sinjura Miriam Vella kellhom laqgħa mad-dijaspora Maltija f’Dubaj.

Il-President ħeġġeġ lill-komunità Maltija biex kemm fuq il-post tax-xogħol, fil-ħin liberu tagħhom u fil-mod ta’ kif iġibu rwieħhom ma’ ta’ madwarhom, iwasslu mhux biss il-valuri tagħhom bħala individwi, iżda wkoll dawk ta’ Malta bħala art twelidhom.

“Nappellalkom tagħmlu l-almu tagħkom biex isem Malta jkompli jissemma bl-akbar rispett kemm mar-rappreżentanti u l-kollegi tagħkom kif ukoll ma’ sħabkom minn madwar id-dinja”, qal il-President Vella.

Huwa stmat li fl-Emirati Għarab Magħquda jgħixu mat-800 Malti u Maltija. Il-President irrimarka li hekk kif bdew jikbru n-numri ta’ Maltin fl-Emirati Għarab Magħquda, bdiet tinbidel ix-xejra tal-emigrazzjoni minn Malta. Ir-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi li wassluhom hawnhekk huma ferm differenti minn dawk li ġiegħlu lil mijiet ifittxu ħajja aħjar, speċjalment wara l-Ewwel u t-Tieni Gwerer Dinjija. “Bosta minnkom sabu opportunitajiet professjonali attraenti ħafna f’oqsma moderni u dinamiċi bħalma huma l-avjazzjoni, l-amministrazzjoni, it-teknoloġija tal-informatika, is-servizzi finanzjarji u l-ospitalità, biex insemmi biss xi wħud. Tista’ tgħid li intom ukoll komunità żgħira fl-età u allura drajna nassoċjaw ċertu enerġija u motivazzjoni mal-preżenza tagħkom f’dan il-pajjiż”, żied jgħid il-President.

Fl-indirizz tiegħu, il-President ħeġġeġ lill-komunità Maltija fl-Emirati Għarab Magħquda biex għalkemm ftit jużawh fuq il-post tax-xogħol, ma jwarrbux l-ilsien Malti speċjalment meta jikkomunikaw mat-tfal tagħhom. Awgura wkoll li wħud mill-Maltin fl-Emirati Għarab Magħquda, jekk mhux kollha, fl-aħħar mill-aħħar jirritornaw Malta fejn il-poplu Malti u Għawdxi jkun jista’ jgawdi mill-esperjenzi u l-professjonalità li akkwistaw f’dawn is-snin ’il bogħod minn xtutna.

Skip to content