The President of Malta

Search
Close this search box.

Il-President jiltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Greċja

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Illum waranofsinhar il-President Vella laqa’ lil Nikos Dendias, Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Ellenika, fi żjara ta’ korteżija fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

Il-Ministru Dendias irringrazzja lill-President għal-laqgħa u fakkar li din kienet it-tieni okkażjoni li ltaqgħu f’dawn l-aħħar sentejn wara ż-żjara preċedenti tiegħu f’Malta fi Frar tal-2020. Sar riferiment ukoll għaż-żjara f’Malta mill-President Griega Katerina Sakellaropoulou l-ġimgħa l-oħra biex tipparteċipa fil-Laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat Mhux Eżekuttivi tal-UE.

Matul it-taħditiet, il-President Vella u l-Ministru Dendias iddiskutew l-aktar kwistjonijiet urġenti fuq l-aġenda internazzjonali, bl-ewwel waħda fosthom tkun l-Ukrajna. It-tnejn qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-effetti li qed ikollha l-gwerra fuq il-livelli reġjonali u internazzjonali, speċjalment permezz taż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u tal-enerġija.

L-instabbiltà fil-Mediterran kienet suġġett ewlieni tat-taħditiet, b’mod speċjali l-aħħar żviluppi fil-Libja u kif l-instabbiltà prevalenti tkompli tinfluwenza l-flussi migratorji fir-rotta tal-Mediterran Ċentrali. Ġew diskussi wkoll it-tensjonijiet reċenti fil-Lvant tal-Mediterran.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dendias osserva li Malta ser twassal leħen Mediterranju qawwi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda meta tieħu s-Siġġu Mhux Permanenti tagħha f’Jannar tal-2023.

Skip to content