The President of Malta

Search
Close this search box.

Il-President jiltaqa’ mal-Qdusija Tiegħu l-Arċisqof ta’ Kostantinopli u Ruma l-Ġdida, u Patrijarka Ekumeniku Bartholomew

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Dalgħodu l-President George Vella kellu laqgħa mal-Qdusija Tiegħu l-Arċisqof ta’ Kostantinopli u Ruma l-Ġdida, u Patrijarka Ekumeniku Bartholomew fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

Waqt li laqa’ lill-Patrijarka Bartholomew fl-ewwel żjara tiegħu f’Malta, il-President Vella esprima l-apprezzament tiegħu għall-firxa wiesgħa ta’ inizjattivi meħuda mill-Patrijarkat, b’mod speċjali fl-interess tal-ħarsien tal-ambjent. Il-President irrefera wkoll għall-kuntatti attivi li l-Uffiċċju tal-President iżomm ma’ denominazzjonijiet reliġjużi differenti li jinsabu f’Malta. Żied jgħid li l-valuri ta’ tolleranza u aċċettazzjoni jibqgħu fil-qalba tal-ħidma tal-Presidenza kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali.

Il-Patrijarka Bartholomew esprima l-apprezzament tiegħu għal-laqgħa filwaqt li esprima l-pjaċir tiegħu li qed iżur Malta għall-ewwel darba minn meta ħa l-kariga fl-1991. Huwa spjega r-relazzjonijiet eċċellenti li l-Patrijarkat bena mal-Knisja Kattolika Rumana tul is-sekli. Il-President irrefera għall-qdusija tal-ħajja, fejn il-Patrijarka Bartholomew wieġeb li l-prinċipji ta’ dinjità, uniċità u qdusija tal-persuna umana jridu jiġu mħarsa.

Iż-żewġ partijiet iddiskutew il-migrazzjoni irregolari u s-sitwazzjoni attwali li tikkonċerna r-rifuġjati, bil-President Vella jagħti ħarsa ġenerali dwar ix-xenarju f’Malta. Il-Patrijarka Bartholomew spjega kif il-Patrijarkat ħoloq task force speċjalizzata li tindirizza t-traffikar ta’ bnedmin u l-iskjavitù moderna, fejn ma tingħatax attenzjoni biss lill-vittmi iżda wkoll lis-superstiti.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, il-President Vella rrefera għall-għajnuna pprovduta mill-Gvern u l-poplu Malti lill-poplu Ukren. It-tnejn ikkundannaw il-gwerra li għaddejja bħalissa mir-Russja fl-Ukrajna u esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-pajjiż u l-poplu tiegħu.

Skip to content