Tliet kapijiet ġodda tal-missjoni diplomatika ppreżentaw il-kredenzjali diplomatiċi tagħhom lill-President ta’ Malta, George Vella, fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
L-Ambaxxatur tal-Federazzjoni Russa Andrey Georgievich Lopukhov kien l-ewwel wieħed li ppreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella.
Il-President Vella laqa’ r-relazzjonijiet li ilhom stabbiliti għal żmien twil u li huma tradizzjonalment kordjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Filwaqt li l-pandemija tal-COVID-19 naqqset il-momentum f’setturi bħall-kummerċ, it-turiżmu, u t-tagħlim tal-Ingliż f’Malta, hemm impenn wiesa’ li dawn l-iskambji jerġgħu jilħqu l-livelli ta’ qabel il-pandemija. Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur Georgievich ta ħarsa ġenerali lill-President Vella dwar il-pjanijiet tiegħu biex tissaħħaħ il-koperazzjoni fl-oqsma bilaterali kollha, fejn semma l-ftehimiet li qegħdin jiġu nnegozjati u t-turiżmu bħala żewġ prijoritajiet.
Imbagħad ppreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha l-Ambaxxatriċi tal-Konfederazzjoni Żvizzera Monika Schmutz Kirgöz.
Il-President Vella rrefera għall-intenzjoni ta’ Malta li tkompli tibni fuq ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Iżvizzera fuq diversi livelli għall-benefiċċju taż-żewġ naħat. B’mod partikolari, Malta tinsab ħerqana li tkompli tikkollabora mal-Iżvizzera fid-dawl tal-ambizzjoni komuni taż-żewġ pajjiżi li jifformaw parti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti bejn l-2023 u l-2024, jekk jiġu eletti għal dan il-korp prestiġjuż tan-NU fl-elezzjonijiet għal siġġijiet mhux permanenti fl-2022. L-Ambaxxatriċi Schmutz Kirgöz qalet li Malta u l-Iżvizzera għandhom viżjoni komuni għall-kwistjonijiet internazzjonali u qablet li l-kampanja għall-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-perjodu 2023-2024 ser tkun pjattaforma mill-aqwa biex iż-żewġ pajjiżi jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-multilateraliżmu globali.
It-tielet wieħed li ppreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu kien l-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Każakistan Yerbolat Sembayev.
Il-President Vella awgura lill-Każakistan għat-30 anniversarju tal-pajjiż mill-kisba tal-indipendenza fis-16 ta’ Diċembru 1991. Huwa esprima r-rieda ta’ Malta li tesplora possibbiltajiet ġodda għal koperazzjoni u li tiżgura li l-inizjattivi eżistenti u dawk ġodda għal koperazzjoni jkunu ta’ suċċess. Saret referenza wkoll għall-impenn tal-Każakistan għall-eżiti tal-COP 26 u l-viżjoni usa tiegħu għall-iżvilupp sostenibbli. Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur Sembayev ta spjegazzjoni dettaljata tar-riformi politiċi u ekonomiċi li għaddejjin bħalissa f’pajjiżu, proċess maħsub biex tissaħħaħ id-demokratizzazzjoni fl-oqsma kollha. Mill-perspettiva bilaterali, l-ambaxxatur enfasizza l-iskambji ta’ studenti b’mod speċjali fis-settur tat-tagħlim tal-Ingliż.




