Il-President ta’ Malta George Vella qal li t-turiżmu huwa dik il-“materja prima” u r-“riżorsa” ekonomika u soċjali li kapaċi tenfasizza l-potenzjal tal-qawwa permezz tad-diversità. F’dan kollu, qal il-President, Malta għandha “rwol ewlieni” x’taqdi peress li hija mudell ta’ kif jista’ jitkebbes it-tkabbir ekonomiku u soċjali minkejja r-riżorsi limitati.
Waqt il-Mediterranean Tourism Awards, il-President Vella rrimarka li Malta għandha relazzjonijiet eċċellenti mal-pajjiżi kollha fil-Mediterran u r-reġjuni tal-madwar u b’mod sinifikanti hija membru tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk, għandha vuċi importanti f’dan il-blokk ekonomiku kritiku li għandu rwol kruċjali fil-Mediterran. Fuq kollox, il-President qal li Malta, minkejja d-daqs tagħha, għandha l-ħeġġa meħtieġa biex tixpruna t-twettiq ta’ din il-viżjoni.
Il-President żied jgħid li l-pedamenti għat-turiżmu huma diġà b’saħħithom fir-reġjun tal-Mediterran. Għalhekk, it-turiżmu huwa soluzzjoni fattibbli u rilevanti għal żmien twil. “Meta mmexxi b’mod tajjeb, it-turiżmu mhuwiex biss sostenibbli, iżda wkoll faċilment adattabbli u flessibbli għar-realtajiet ekonomiċi u soċjali speċifiċi”, żied jgħid il-President. Madankollu, huwa nnota li għad fadal ħafna x’isir biex jintlaħqu l-għanijiet komuni ta’ turiżmu ta’ kwalità fir-reġjun tagħna tal-Mare Nostrum. Minkejja d-differenzi politiċi, ekonomiċi u soċjali, il-President Vella qal li issa jeħtieġ li nerġgħu niskopru l-fatt li d-destin tagħna jinsab fis-solidarjetà u li azzjoni konġunta hija indispensabbli biex permezz tat-turiżmu ntejbu l-ambjent li ngħixu fih.
Bħala patrun tal-Mediterranean Tourism Forum, il-President Vella qal li huwa għandu l-istess viżjoni bħall-Fundaturi u s-Senaturi tal-MTF li “l-istorja l-kbira tagħna hija s-soluzzjoni Mediterranja għal futur aħjar: it-Turiżmu huwa l-vantaġġ li għandna għal futur aħjar għall-popli kollha. It-turiżmu huwa fil-fatt mutur b’saħħtu u li meta użat tajjeb, jista’ jdawwar l-ekonomiji, jappoġġja l-konservazzjoni ambjentali, u jingrana l-iżvilupp tas-soċjetajiet. It-turiżmu għandu l-potenzjal li jegħleb l-instabbiltà u jista’ jneħħi l-kmandanti militari jew il-persuni b’kilba għall-poter. Għax id-dħul mit-turiżmu malajr jgħaddi għall-bwiet taż-żgħir, u joħloq opportunitajiet ta’ tama għal futur aħjar.”
Il-President Vella faħħar u rringrazzja lis-settur privat, lill-ħaddiema tiegħu, lill-komunità kollha kemm hi, lill-amministraturi pubbliċi, u lill-familja tal-Mediterranean Tourism Forum għar-reżiljenza tagħhom wara sentejn ta’ sfida minħabba l-pandemija.


