The President of Malta

Il-President ta’ Malta jagħmel diskors ewlieni fl-Università prestiġjuża Humboldt ta’ Berlin

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta, George Vella, iddiskuta l-politika internazzjonali u l-istat attwali tal-affarijiet madwar id-dinja waqt diskors ewlieni f’Humboldt-Universität zu Berlin. Fid-diskors tiegħu bit-tema “Reflections on the present world order”, il-President qal li l-għaqda tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tinżamm fl-oqsma kollha possibbli. “Fi żmien fejn il-valuri u l-ideali tagħna huma mhedda mill-gwerra u t-taqlib, il-popoliżmu, u l-qawmien mill-ġdid ta’ ideali politiċi estremisti jew valuri kompetituri, irridu nkomplu nemmnu f’Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha u nistinkaw għaliha,” qal il-President Vella.

Il-President stqarr li d-diplomazija u n-negozjati huma l-pilastri fundamentali ta’ ħafna sistemi multilaterali li jaħdmu sew. Saħaq li l-isfidi għas-sigurtà ma jistgħux jissolvew bl-użu tal-forza. “Ir-rekord ta’ Malta s’issa wera b’mod ċar li l-istatus tagħha ta’ newtralità, imħaddem kif suppost, huwa għodda siewja f’idejn min irid jaħdem biex iġib il-ġustizzja u l-paċi; f’idejn min irid ifittex il-ftehim, b’mezzi paċifiċi u diplomatiċi,” stqarr il-President Vella. Anki fiċ-ċirkustanzi inkwetanti attwali, il-President qal li n-newtralità ma waqqfitx lil Malta milli ssemma’ leħinha u tieħu b’mod attiv pożizzjonijiet sodi u kategoriċi.

Waqt id-diskors tiegħu lill-akkademiċi u l-istudenti, il-President Vella tenna bla riżervi l-kundanna tiegħu għall-qtil ta’ nies innoċenti, jagħmlu min jagħmlu, filwaqt li għamel it-talba sinċiera tiegħu biex min bħalissa għandu s-saħħa f’idejh, iwaqqaf il-massakru li għaddej ta’ nies innoċenti, b’mod partikolari tfal. B’referenza għall-kunflitt devastanti fil-Lvant Nofsani, il-President Vella esprima t-tħassib tiegħu dwar kif din il-gwerra diġà nfirxet fi mkejjen oħra fil-Lvant Nofsani. “Ngħid dan ukoll fid-dawl tal-attakki fuq bastimenti kummerċjali internazzjonali fil-Baħar l-Aħmar minn żoni kkontrollati mill-Houthis fil-Jemen. Dan fixkel bil-kbir il-kummerċ globali u l-linji tal-provvista, u aggrava sitwazzjoni diġà prekarja għal ħafna ekonomiji madwar id-dinja,” qal il-President Vella.

F’dan il-punt kritiku fl-affarijiet globali, il-President qal li ma nistgħux inħallu li l-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali prattikament titwaqqaf ħesrem. F’dan ir-rigward, qal li Malta qiegħda taħdem b’wiċċha minn quddiem fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u ftit ġimgħat biss ilu aċċettat it-talba biex tassumi l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) għas-sena 2024.

Filwaqt li rrefera għall-istorja twila ta’ involviment ta’ Malta fil-politika tal-Mediterran, il-President Vella stqarr li l-pożizzjoni ġeografika tagħna titlob li nagħtu importanza kbira lill-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun.

F’Berlin, il-President iltaqa’ wkoll ma’ Michael Roth, Chairman tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ġermaniż (Bundestag). Id-diskussjoni enfasizzat l-aħħar żviluppi rigward il-gwerra fl-Ukrajna u l-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas. Iż-żewġ partijiet iddiskutew ukoll l-importanza tal-għaqda fl-UE u r-rwol u l-pożizzjoni tagħha fl-affarijiet internazzjonali.

Skip to content