The President of Malta

Il-President ta’ Malta jibda żjara statali fl-Irlanda

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella ħallew Malta għal żjara statali fl-Irlanda fuq l-istedina tal-President tal-Irlanda Michael D. Higgins.

Il-President Vella se jkollu laqgħa uffiċjali mal-President Higgins f’Áras an Uachtaráin, ir-residenza uffiċjali u l-uffiċċju tal-President tal-Irlanda. L-impenji tal-President jinkludu wkoll, fost l-oħrajn, laqgħat mal-Prim Ministru tal-Irlanda, Leo Varadkar, u mad-Deputat Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ministru għad-Difiża, Micheál Martin. Fl-Irlanda, il-President se jkollu wkoll laqgħat ma’ kadetti tal-Forzi Armati ta’ Malta li qed jagħmlu t-taħriġ tagħhom f’Curragh Military Camp u studenti Maltin li qed jistudjaw f’University College Cork.

Din iż-żjara statali ssegwi ż-żjara statali li għamel il-President Higgins f’Malta f’Mejju 2022 u s-sehem tiegħu fil-laqgħa informali tal-Kapijiet ta’ Stat Mhux Eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-Grupp Arraiolos, li saret f’Malta f’Ottubru li għadda.

Id-delegazzjoni tal-President ta’ Malta fl-Irlanda tinkludi lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli.

Sakemm il-President George Vella jkun l-Irlanda, il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta. Il-President u s-Sinjura Vella jiġu lura Malta nhar is-Sibt, 4 ta’ Marzu 2023.

President Portrait
Skip to content