The President of Malta

Il-President ta’ Malta jiltaqa’ mal-President tal-Kosovo u mal-President tal-Albanija

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President George Vella kellu laqgħat mal-President Vjosa Osmani-Sadriu tal-Kosovo u mal-President Ilir Meta tal-Albanija, fil-Palazz ta’ San Anton. Iż-żewġ kapijiet tal-istat barranin jinsabu f’Malta biex jipparteċipaw fit-2 Forum Dinji għal Kultura ta’ Paċi li se jsir f’Malta bejn it-3 u l-4 ta’ Marzu.

L-invażjoni tal-Ukrajna, l-effetti tagħha fuq il-popolazzjoni u l-possibbiltà ta’ eskalazzjoni ulterjuri u ta’ riperkussjonijiet tal-instabbiltà fuq il-Balkani tal-Punent kienu suġġetti komuni fiż-żewġ laqgħat.

Il-President Vella laqa’ din il-laqgħa mal-President Osmani-Sadriu bħala opportunità eċċellenti biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess reċiproku u l-potenzjal għal tisħiħ fil-koperazzjoni bilaterali fl-oqsma tal-kummerċ, l-edukazzjoni u l-qsim ta’ għarfien espert. Żied jgħid li Malta għadha tappoġġa lill-Kosovo fl-isforzi tagħha għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea filwaqt li tenna l-pożizzjoni li ilha għal żmien twil dwar il-fatt li s-sigurtà tal-Ewropa ma tistax tiġi separata minn dik tal-Balkani tal-Punent.

Min-naħa tagħha, il-President Osmani-Sadriu esprimiet l-apprezzament tal-Kosovo għar-rikonoxximent mogħti minn Malta fl-2008, u l-assistenza tanġibbli li Malta ilha tipprovdi minn dakinhar. Il-President tat ħarsa ġenerali tar-riformi politiċi u ekonomiċi li għaddejjin bħalissa f’pajjiżha u aġġornat lill-President Vella bil-progress li sar fid-djalogu bejn Belgrad u Pristina.

Matul id-diskussjonijiet mal-President Ilir Meta, il-President Vella wassal l-impenn ta’ Malta li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Albanija permezz tal-identifikazzjoni ta’ oqsma ġodda ta’ koperazzjoni. Enfasizza wkoll l-appoġġ ta’ Malta għall-prospetti tal-Albanija għall-UE u esprima t-tama tiegħu għall-ftuħ formali tan-negozjati tal-adeżjoni. Iż-żewġ pajjiżi, żied jgħid il-President Vella, għandhom ukoll interess komuni għas-sigurtà u għall-prosperità fir-reġjun Mediterranju.

Il-President Meta tkellem dwar l-interess tal-Albanija li tagħti ħarsa mill-qrib lejn ir-riformi u l-miżuri ta’ suċċess li ħadet Malta biex trasformat l-ekonomija tagħha kif ukoll lejn it-triq tagħha li wasslet għas-sħubija tagħha fl-UE fl-2004. L-oqsma tas-saħħa, tal-edukazzjoni, il-koperazzjoni marittima, it-trażbord u s-servizzi finanzjarji jippreżentaw opportunitajiet tajbin ħafna għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni settorjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-President Meta rrefera wkoll għall-komunità mdaqqsa ta’ ċittadini Albaniżi f’Malta u wassal l-apprezzament ta’ pajjiżu għall-mod kif Malta laqgħethom matul is-snin.

Skip to content