The President of Malta

Search
Close this search box.

Il-President ta’ Malta jindirizza l-HORATIO Congress 2023: Reuniting Mental Health Nurses

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella qal li l-akbar żewġ sfidi li qegħdin jiffaċċjaw l-infermiera psikjatriċi huma dawk li ġejjin minn kondizzjonijiet mentali deġenerattivi u dawk li qegħdin jiżviluppaw minħabba l-istress dejjem akbar li l-istil ta’ ħajja modern qiegħed ikollu fuq il-fakultajiet mentali tagħna. Dan mingħajr ma nsemmu l-kondizzjonijiet li jirriżultaw mill-użu eċċessiv tal-alkoħol u ta’ sustanzi oħra li joħolqu dipendenza.

Fl-indirizz tiegħu fiċ-ċerimonja ta’ ftuħ tal-“Horatio Congress 2023: Reuniting Mental Health Nurses – Sharing Knowledge, Cultivating Experiences”, il-President Vella faħħar l-inizjattiva bejn Horatio – European Psychiatric Nurses u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Infermiera Psikjatriċi (MAPN) biex jaqsmu u jrawmu l-għarfien bejn l-Infermiera fis-Saħħa Mentali u l-Professjonisti tas-Saħħa Mentali madwar l-Ewropa kollha.

“Dan infissru meta ngħidu li s-saħħa hija dritt universali taċ-ċittadini kollha u li l-għarfien mediku u tal-infermiera għandu jiġi kondiviż liberament biex nilħqu wieħed mill-aktar għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli importanti: SDG 3, li jgħid li rridu niżguraw ħajjiet f’saħħithom u nippromwovu l-benesseri għal kull età”, qal il-President Vella.

Il-President qal ukoll li l-professjoni tal-infermiera hija vokazzjoni għal min għandu qalbu tajba għax teħtieġ dispożizzjoni, aptitudni u ħerqa li tgħin lil ħaddieħor meta jkun hemm l-aktar bżonnok, u qawwa u saħħa kbar biżżejjed biex tgħaddihom lil ħaddieħor. “L-infermiera fis-saħħa mentali jerġa’ jrid ikollhom qoxra eħxen minn hekk,” żied jgħid il-President.

Fir-rigward tas-saħħa mentali u l-istigma li tawha l-ġenerazzjonijiet preċedenti, il-President innota li llum hemm ferm aktar għarfien li għen inaqqas, jekk mhux ineħħi għalkollox, din l-istigma. “Minħabba d-disponibbiltà ta’ mediċini aktar speċifiċi u l-mira selettiva tas-sintomi, minflok li wieħed jistrieħ fuq terapija ġenerali, il-prospetti ta’ fejqan u li wieħed jegħleb il-kundizzjoni u jerġa’ lura għan-normal tjiebu b’mod konsiderevoli”, innota l-President waqt li qal li l-kura saret aktar dinjituża, inqas kastiganti, inqas drastika u aktar soċjalment aċċettabbli, u tipprometti riżultati tajbin.

Il-President Vella feraħ lill-MAPN talli tipprova ttejjeb u tirrikonoxxi b’mod attiv ir-rwoli u l-istandards tal-infermieri psikjatriċi f’Malta bl-għan li tagħti s-setgħa, teduka u ssaħħaħ ir-rwol tal-infermiera fis-saħħa mentali.

Ritratti: OPR

Skip to content