Matul il-21 edizzjoni tal-Malta Engineering Excellence Awards, li saru fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta George Vella sellem il-memorja ta’ Miguel Borg, li minkejja sfidi kbar marbuta mas-saħħa gradwa fl-inġinerija mekkanika mill-Università ta’ Malta. “Bid-determinazzjoni u l-kuraġġ tiegħu li jegħleb kull sfida u jagħmel realtà l-ħolma tiegħu li jsir inġinier ikkwalifikat, Miguel jibqa’ ta’ ispirazzjoni għalina lkoll”, qal il-President Vella.
Filwaqt li feraħ lil dawk kollha li ġew rikonoxxuti għall-ħidma distinta tagħhom fl-oqsma tal-inġinerija rispettivi tagħhom, il-President ta’ Malta rringrazzja lill-Kamra tal-Inġiniera għall-impenn assolut li tkun fuq quddiem nett fil-promozzjoni tal-ogħla standards professjonali u etiċi fil-professjoni tal-inġinerija f’Malta. Innota b’sodisfazzjon li l-inġiniera żgħażagħ jinsabu fuq quddiem fit-tressiq ta’ ideat u soluzzjonijiet innovattivi għal ambjent aktar sostenibbli. Il-President qal li l-premjijiet mhumiex biss ċelebrazzjoni tal-ħidma u s-suċċessi ta’ dawk li rċevew rikonoxximent, iżda wkoll vot qawwi ta’ fiduċja fiċ-ċentralità li jitressqu u jiġu promossi l-benefiċċji ta’ qasam multidixxiplinarju bħall-inġinerija fl-istituzzjonijiet tagħna tal-edukazzjoni terzjarja.
Il-President Vella faħħar il-ġestjoni tal-Kamra tal-Inġiniera ta’ Malta, li ilha mill-1978 tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ klassi professjonali u diversa tal-inġinerija f’Malta. “Żieda fin-nisa li daħlu f’korsijiet tal-inġinerija fl-Università ta’ Malta jew fl-MCAST, u li aktar tard kisbu impjieg ta’ suċċess f’oqsma differenti tal-inġinerija tikkomplementa l-isforzi ta’ pajjiżna fil-ġlieda kontra d-differenza bejn il-ġeneri”, qal il-President filwaqt li osserva b’sodisfazzjon li l-Inġinier Michelle Cortis saret l-ewwel inġinier Malti li ġiet eletta għall-Bord Eżekuttiv tal-Fédération Européenne d’Associations Nationales d’Ingénieurs (FEANI). Il-President Vella nnota wkoll li erba’ inġiniera ġew eletti fil-Parlament Malti, u dan ikompli jikkomplementa l-ħidma tal-membri l-oħra tal-Parlament li ġejjin minn oqsma professjonali differenti.
Ir-rebbieħa huma:
Premju għall-Eċċellenza Industrijali 2022: Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma
Premju Maurice Debono għall-Kisba Tul il-Ħajja 2022: Prof. Inġ. Paul Vassallo
Premju għas-Sostenibbiltà fl-Enerġija u fl-Ilma 2022: BAXTER Malta




