The President of Malta

Search
Close this search box.

Il-President ta’ Malta f’laqgħa uffiċjali ma’ Sheikh Mohamed bin Zayed Al Nahyan, President tal-Emirati Għarab Magħquda

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Fl-ewwel ġurnata taż-Żjara Uffiċjali tiegħu fl-Emirati Għarab Magħquda, il-President George Vella kellu taħditiet uffiċjali mal-President tal-Emirati Għarab Magħquda, Sheikh Mohamed bin Zayed Al Nahyan, fil-Palazz Al Shati f’Abu Dhabi.

Wara li laqa’ lill-President Vella u lid-delegazzjoni tiegħu fl-UAE, Sheikh Al Nayhan enfasizza l-intenzjoni tal-UAE li jwessgħu u japprofondixxu l-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni ma’ Malta, li huwa sejjaħ bħala “pajjiż ta’ djalogu”. Il-President Vella rrefera għaż-żjara tiegħu bħala mument importanti fl-istorja tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, hekk kif dawn deħlin fil-ħamsin sena mit-twaqqif formali tagħhom. It-tnejn qablu li jista’ jiġi rreġistrat potenzjal akbar fl-investiment u l-kummerċ, l-enerġija rinnovabbli u l-ambjent.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet reġjonali, il-gwerra fl-Ukrajna ssemmiet fid-dettall bil-President Vella jispjega l-pożizzjoni ta’ Malta li tikkundanna l-aggressjoni u l-invażjoni kontra l-Ukrajna u l-ħtieġa li l-komunità internazzjonali tippreserva s-sovranità u l-integrità territorjali. Huma qablu li l-għan aħħari għandu jkun dak li jintlaħqu l-paċi u s-sigurtà permezz ta’ diskussjonijiet u djalogu.

Sar skambju ta’ fehmiet dwar il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima, fid-dawl tas-Summit COP28 li ser jiġi organizzat mill-UAE f’Diċembru 2023. Il-President Vella feraħ lill-interlokutur tiegħu u esprima t-tama tiegħu li l-laqgħa tkun produttiva u tissodisfa l-urġenza tax-xenarju internazzjonali għall-klima. Sheikh Al Nahyan ta ħarsa fid-dettall lejn it-tħejjijiet li għaddejjin bħalissa u spjega l-isfidi l-ġodda relatati mal-klima li qegħdin jiffaċċjaw il-pajjiżi fir-reġjun tal-Golf.

Iż-żewġ partijiet laqgħu l-kooperazzjoni eċċellenti bejn l-UAE u Malta hekk kif iż-żewġ pajjiżi jkomplu jservu bħala Membri mhux Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Aktar tard matul il-ġurnata, il-President Vella kellu wkoll laqgħa ma’ Sheikh Mansour bin Zayed Al Nahyan, Viċi President tal-Emirati Għarab Magħquda, Deputat Prim Ministru, u Ministru tal-Qorti Presidenzjali, kif ukoll ma’ Sheikh Abdullah bin Zayed Al Nahyan, Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-UAE. Għal dawn il-laqgħat, il-President Vella kien akkumpanjat minn Ian Borg, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.

Ritratt: OPR

Skip to content