Bijografija tal-President

president-marylouise-coleiro-2

 

Marie-Louise Coleiro Preca hija d-disa’ President tar-Repubblika ta’ Malta. Għall-ewwel darba fl-istorja kostituzzjonali ta’ Malta, in-nomina tagħha ġiet approvata unanimament minn riżoluzzjoni parlamentari mgħoddija mill-Kamra tad-Deputati fl-1 ta’ April 2014. Hija ħadet il-ġurament tal-ħatra bħala President ta' Malta nhar l’ 4 ta’ April 2014.

Fl-età ta’ 55 sena, Coleiro Preca hija l-iżgħar President tal-pajjiż, u hija t-tieni mara li qed tokkupa l-kariga ta' Kap tal-Istat wara 32 sena.

Marie-Louise Coleiro Preca twieledet f'Ħal Qormi, fis-7 Diċembru 1958. Hija rċeviet l-edukazzjoni tagħha fl-iskola Primarja ta’ Hal-Qormi, Maria Regina Grammar School u fil- Polytechnic, l-Imsida. Wara, hija kisbet Baċellerat fl-Istudji Legali w Umanistiċi u ggradwat bħala Nutar Pubbliku mill-Università ta' Malta.

Coleiro Preca ilha attiva fil-politika għal dawn l-aħħar erbgħin sena, fejn bdiet fl-età żgħira ta’ 16 -il sena. Fi ħdan il-Partit Laburista, serviet bħala membru tal-Eżekuttiv Nazzjonali, Assistent Segretarju Ġenerali u s-Segretarju Ġenerali, kariga li okkupat bejn l-1982 u l-1991 u hija l-unika mara li qatt okkupat din il-pożizzjoni tant għolja fi ħdan partit politiku.

Coleiro Preca kienet ukoll membru tal-Bureau Nazzjonali tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti, President tal-Għaqda Nisa Laburisti, President tal-Kunsill Nazzjonali, President tal-Bureau Nazzjonali tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti (illum magħrufa bħala Forum Żgħażagħ Laburisti), fundatur tal-Fondazzjoni Ġużè Ellul Mercer, kif ukoll editur tal-gazzetta Il-Ħelsien.
Coleiro Preca serviet fuq il-bord tad-diretturi ta’ Maltacom plc (illum maghrufa bħala il-kumpanija GO), kif ukoll il-kumpanija Libyan Arab Maltese Holding. Hi kienet membru tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Moralità Fiskali.

Marie-Louise Coleiro Preca serviet bħala Membru tal-Parlament fil-Kamra tad-Deputati bejn l-1998 u l-2014. Fl-elezzjoni ġenerali tal-2008 hija kienet l-ewwel kandidat elett fil-Parlament.

Bħala Membru tal-Parlament fl-Oppożizzjoni, Marie-Louise Coleiro Preca serviet bħala kelliema għall-Politika Soċjali, Turiżmu, fosthom għall-kumpanija tal-ajru Air Malta, u għas-Saħħa, u kienet membru tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali u tal-Familja. Serviet ukoll fid-delegazzjoni Parlamentari għall-Kunsill tal-Ewropa u diversi kumitati li jaqgħu fi ħdanu.

Fit-13 ta’ Marzu 2013, Marie-Louise Coleiro Preca ġiet maħtura bħala Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali. Matul is-sena li hija kienet Ministru, hi tat bidu għal diversi riformi.

Ir-riformi ewlenin effettwati matul il-mandat tagħha inkludew dawk fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, kif ukoll ir-riforma ta’ sistema soċjali integrat ibbażat fuq livell komunitarju permezz tat-twaqqif ta’ l-Ċentri ta’ Riżorsi tal-Familja.

Riforma oħra ġabet magħha s-simplifikazzjoni tas- sistemi ta’ benefiċċji ta’ dawk li jilħqu l-età tal-irtirar, persuni eliġibbli għall-għotja taż-żwieġ, persuni li huma eliġibbli għall-pensjonijiet tar-romol u dawk eliġibbli għall-allowance tat-tfal, li issa jirċievu l-benefiċċji mingħajr il-ħtieġa għall-applikazzjonijiet, b’hekk wasslu għal sistema aktar efficjenti.

Coleiro Preca bdiet l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu wieħed għall-means testing, kif ukoll riforma sħiħa fil-qasam tal-welfare u sistema aktar effettiva fil-benefiċċji soċjali kontra il-frodi. Hija waqqfet il-Welfare Reform Task Force biex taġġorna s-sistema tal-welfare u jingħeleb l-abbuż u l-frodi.

Matul il-mandat tagħha bħala Ministru, Coleiro Preca bdiet l-iżvilupp ta’ strateġija għall- pensjonijiet sostenibbli u adegwati. Hija indirizzat l-anomaliji fil-pensjoni tal-eks ħaddiema tat-tarzna u introduċiet għadd ta’ miżuri, bħall-għotji ta’ pensjoni sħiħa lil nisa romol li qed jaħdmu, u l-għotji ta’ suppliment lill-familji tat-tfal sabiex jigi indirizzat il-faqar billi jiġu mmotivati ​l-attendenza fl-iskejjel, il-harsien tas-saħħa u l-involviment fil-kultura jew l-isport.

Bħala Ministru, Coleiro Preca ressqet diversi liġijiet quddiem il-Parlament, inkluż l-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, bħala parti mill-Att dwar it-Tfal, u li ġie żviluppat permezz tal-metodoloġija innovattiva bl-involviment tat-tfal. Hija stabbilixxiet Sexual Attack Response Team, fejn għall-ewwel darba, vittmi ta’ stupru jistgħu jirċievu servizz integrat f’post wieħed.

F’Diċembru 2013, flimkien mal-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni László Andor, Coleiro Preca niediet il-proġett LEAP. Dan il-proġett iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, stabilixxa iċ-Ċentri tar-Riżorsi tal-Familja li jipprovdu servizzi fil-qalba tal-komunitajiet u li taw bidu għall-implimentazzjoni tal-Pakkett il-gdid ta’ Investiment Soċjali introdott mill-Unjoni Ewropea.

F’Jannar 2014, Coleiro Preca, flimkien mal-Prim Ministru ta’ Malta, Dott Joseph Muscat, nediet l-Green Paper: Strateġija Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar u l-Inklużjoni Soċjali. Il-fuq minn 22,000 tfal se jibbenefikaw mill-għajnuna supplimentari li kellhom jiġu introdotti biex jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, bħala parti mill-istrateġija.

Bħala President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca waqqfet il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas- Soċjetà li se tinkludi l-Istitut Nazzjonali għat-Tfulija, iċ-Ċentru għar-Riċerka fuq il-Familja, l-Osservatorju għall-Għixien Xieraq u ċ-Ċentru għall-Ħelsien mill Vizzji.

Waqqfet ukoll diversi fora bil-għan li tagħti spazju u opportunità li n-nies jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq suġġetti li jaffettwaw lil ħajjithom.

Marie-Louise Coleiro Preca giet mgħotija l-Crans Montana Prix de la Fondation 2014, għotja mogħtija lil personalitajiet prominenti li qed jirsistu għall-paċi, il-libertà u d-demokrazija. Marie-Louise Coleiro Preca ingħatat Honorary Life Presidency of the Arab-European Forum for Dialogue and Development u inħatret Professur Onorarju fl-Università ta’ Warwick.

Marie-Louise Coleiro Preca hija miżżewwġa lil Edgar Preca u għandha tifla.

 

Read the President’s Biography in English by Clicking Here