Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella attendew għall-funeral statali tar-Reġina Eliżabetta II f’Westminster Abbey.
Mijiet ta’ dinjitarji minn madwar id-dinja, inklużi dawk mill-pajjiżi tal-Commonwealth, attendew għall-funeral statali tar-Reġina Eliżabetta II. “Impressjonanti l-ġabra enormi tal-awtoritajiet tad-dinja mill-pajjiżi prattikament kollha li nġabru biex isellmu b’rispett lir-Reġina Eliżabetta II”, qal il-President Vella. Żied li f’sebgħin sena bħala kap tal-monarkija, ir-Reġina Eliżabetta II uriet għerf, determinazzjoni u kuraġġ, u kellha rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-Commonwealth.
Il-Ħadd, il-President Vella u s-Sinjura Vella sellmu lir-Reġina Eliżabetta II f’Westminster Hall, fejn it-tebut tagħha kien espost għall-pubbliku, u ffirmaw ukoll il-ktieb ta’ kondoljanzi f’Lancaster House. Il-President Vella rrimarka d-devozzjoni tal-membri tal-pubbliku li fl-aħħar jiem resqu b’rispett lejn it-tebut tar-Reġina Eliżabetta II biex isellmulha għall-aħħar darba. “Kienet demostrazzjoni ta’ mħabba u rispett enormi”, żied jgħid il-President.
Lejlet il-funeral tar-Reġina, ir-Re Charles III laqqa’ lill-kapijiet tal-istat, kapijiet tal-monarkija u dinjitarji barranin oħra fil-Palazz Buckingham. Hawnhekk, ir-Re Charles III u l-Prinċep Edward tkellmu mal-President Vella u mas-Sinjura Vella dwar il-mumenti sbieħ li r-Reġina Eliżabetta II qattgħet f’Malta, li kienet tiddeskrivi bħala “il-gżira ta’ memorji sbieħ”.