The President of Malta

Il-President u s-Sinjura Vella jżuru l-belt ta’ Cork li għandha rabtiet ma’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella flimkien mal-President tal-Irlanda Michael D. Higgins u s-Sinjura Sabina Higgins il-Ħamis filgħodu żaru l-belt ta’ Cork li għandha rabtiet ma’ Malta fuq l-aspett ta’ riċerka ambjentali.

Huma kellhom taħdita interessanti ma’ grupp ta’ studenti f’University College Cork, li ffukat fost oħrajn fuq it-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent. Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti żewġ studenti Maltin, li kellhom l-opportunità li jistudjaw nursing f’din l-università permezz tal-programm Erasmus. Bħalissa f’University College Cork qed jistudjaw 32 student minn Malta.

F’kumment lill-ġurnalisti wara żjara qasira fil-kappella Honan fl-università, il-President Vella tkellem dwar il-kuntatti b’saħħithom li għaddejjin bejn Malta u l-Irlanda fil-qasam edukattiv, b’mod partikolari fil-qasam tax-xjenza u dak mediku. Spjega li “hemm tentattivi biex din ir-relazzjoni tissaħħaħ għax hija relazzjoni li tagħti ħafna frott.”

Iż-żewġ Presidenti kkonfermaw li ż-Żjara Statali tal-President Vella fl-Irlanda, u ż-żewġ żjarat tal-President Higgins f’Malta s-sena li għaddiet, komplew jikkonfermaw il-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Presidenti żaru wkoll l-Istitut ta’ Riċerka Ambjentali (ERI) fi ħdan l-università fejn kellhom preżentazzjoni tax-xogħol tal-istitut li jiffoka fuq l-isfidi ambjentali tat-tibdil tal-klima, l-ekonomija ċirkulari, u ambjent b’saħħtu. Saret preżentazzjoni wkoll fuq l-ikbar ċentru fi ħdanu bl-isem MaREi (Science Foundation Ireland Research Centre for Energy, Climate and Marine), li jikkollabora mal-Università ta’ Malta permezz ta’ proġetti f’dawn l-oqsma.

Mal-wasla tagħhom f’Cork, il-President Vella u l-President Higgins, u d-delegazzjonijiet tagħhom, kellhom lagħqa ta’ korteżija mad-Deputat Sindku tal-belt, is-Sur Damian Boylan. Id-diskussjoni ffukat fuq l-istorja tal-belt ta’ Cork, ir-riġenerazzjoni tal-port ta’ Cork, u kif il-belt qed tilqa’ għat-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq l-għargħar.

Skip to content