The President of Malta

Search
Close this search box.

Il-President Vella jħeġġeġ azzjoni konkreta fir-rigward tal-iżviluppi ta’ tħassib fil-Mediterran

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President George Vella esprima s-sentimenti qawwija tiegħu dwar il-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna, billi wassal l-appoġġ sħiħ ta’ Malta lit-tmexxija u lill-poplu tal-Ukrajna. Enfasizza l-iżviluppi riċenti fir-reġjun tal-Mediterran, is-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà kumplessa fil-Libja, u x-xenarji li qegħdin jiżviluppaw fl-Afrika ta’ Fuq, fil-Lvant Nofsani u fis-Sudan.

Fl-indirizz tiegħu fis-sessjoni ta’ ftuħ tal-‘Malta InterAction Council Meeting’, li għaliha attendew il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, u diversi eks kapijiet ta’ stati jew gvern, il-President Vella qasam il-fehmiet tiegħu dwar ir-realtajiet li qegħdin isawru r-reġjun b’enfasi fuq il-Mediterran u li għandhom iġiegħluna nirriflettu.

“Il-baħar tagħna huwa wieħed ta’ storja, ta’ ċivilizzazzjonijiet li jmorru lura eluf ta’ snin, ta’ kultura, ta’ kummerċ u ta’ diversità. Iżda huwa wkoll wieħed ta’ kunflitt, ta’ skuntentizza, ta’ nuqqas ta’ fiduċja u ta’ negliġenza,” qal il-President Vella.

Dwar is-sitwazzjoni inkwetanti fil-Libja, il-President ta’ Malta appella għall-irtirar tal-forzi, tal-merċenarji, tal-ġellieda u tal-gruppi armati barranin kollha mill-pajjiż u biex jiġi żgurat proċess immexxi u msawwar mil-Libjani li jippermetti lill-poplu jagħżel il-mexxejja tiegħu u jġedded il-leġittimità tal-istituzzjonijiet tagħhom.

Il-President Vella esprima t-taħbit kontinwu ta’ Malta u membri oħra fin-Nofsinhar tal-UE biex iżommu dossiers prekarji fuq nett tal-aġenda internazzjonali. “Nista’ ngħid mill-esperjenza tiegħi li l-problemi tar-reġjun huma, aktar iva milli le, relegati għal livell sekondarju frustranti ta’ importanza, anki f’organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali. Dan ċertament japplika għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani, jew in-nuqqas tiegħu,” qal il-President Vella filwaqt li appella għal bidla kbira fil-mod kif il-komunità internazzjonali tindirizza din il-kwistjoni.

Fid-diskors tiegħu lid-dinjitarji eminenti distinti miġbura f’Malta fuq stedina tal-Eks Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi, il-President Vella ħeġġeġ lill-eks mexxejja kollha biex jagħmlu pressjoni fejn l-aktar meħtieġ, u ma jibżgħux jikkundannaw atti unilaterali ta’ provokazzjoni, li jistgħu jwasslu biss għal aktar tixrid ta’ dmija.

Waqt li indirizza direttament lill-eks President tal-Ukrajna, Viktor Yushchenko, il-President Vella tenna l-appoġġ sħiħ u s-solidarjetà tal-poplu Malti u esprima l-kundanna assoluta u ċara tal-invażjoni Russa u tenna l-appelli għat-teħid ta’ responsabbiltà.

Il-President Vella qal li sabiex ir-reġjun jiffjorixxi, u n-nies jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, jeħtieġ li tiżviluppa klima ta’ investiment sod u attraenti, ibbażata fuq istituzzjonijiet li jaħdmu u li jkunu responsabbli. F’dan il-kuntest, huwa appella għal rieda politika aktar b’saħħitha għal bidla filwaqt li rrikonoxxa r-riskji li qed jinħolqu minn ambjent li qed jitħassar.

Imwaqqaf fl-1983, l-‘InterAction Council’ iservi ta’ organizzazzjoni internazzjonali indipendenti li timmobilizza l-esperjenza, l-enerġija, u l-kuntatti internazzjonali ta’ politiċi li kellhom l-ogħla kariga fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Il-membri tal-Kunsill jaħdmu b’mod kollaborattiv biex jiżviluppaw rakkomandazzjonijiet u soluzzjonijiet prattiċi għall-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali li qiegħda tiffaċċja l-umanità.

Skip to content