Malta tqis lill-Greċja bħala wieħed mill-eqreb sħab tagħha fi ħdan ir-Reġjun Ewro-Mediterranju, li għandu għanijiet u tħassib simili, flimkien ma’ affinitajiet kulturali u storiċi qawwija ħafna, stqarr il-President George Vella waqt taħditiet uffiċjali mal-President tal-Greċja, Katerina N. Sakellaropoulou.
Il-President Vella u l-President Sakellaropoulou qablu li r-relazzjonijiet huma eċċellenti u bbażati fuq valuri komuni. Iż-żewġ pajjiżi qasmu wkoll it-tħassib dwar ir-reġjun tal-Mediterran u lil hinn minnu. Mil-lat bilaterali nnotaw li jista’ jkun hemm aktar kooperazzjoni fil-kummerċ, it-turiżmu, l-affarijiet marittimi, it-teknoloġija u l-kultura. Il-migrazzjoni tibqa’ prijorità għaż-żewġ pajjiżi, u hija meħtieġa soluzzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea.
Id-diskussjoni ffokat ukoll fuq il-gwerra Russa fl-Ukrajna bil-konsegwenzi tagħha, b’mod partikolari, fuq is-setturi tal-enerġija u dawk ekonomiċi. Ġew diskussi l-iżviluppi inkwetanti fl-Afrika ta’ Fuq, kif ukoll iż-żieda riċenti tal-vjolenza fil-Lvant Nofsani. Iż-żewġ partijiet qablu li l-multilateraliżmu huwa dejjem aktar meħtieġ u saret referenza għar-rwol ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u għall-kampanja tal-Greċja għall-perjodu 2025-2026.
Aktar tard matul il-ġurnata, il-President Vella kellu laqgħa separata mal-Prim Ministru Kyriakos Mitsotakis, li għadu kif reġa’ ġie elett bħala Prim Ministru tal-Greċja. F’isem il-gvern u l-poplu Malti, il-President awgura l-isbaħ xewqat lill-gvern li għadu kif ġie elett u lill-poplu tal-Greċja.
Il-President Vella ġie onorat mill-President Grieg bil-Collar of the Grand Cross of the Order of the Redeemer. Min-naħa tiegħu, il-President laqa’ din l-opportunità biex jonora lill-President tal-Greċja bħala Kumpann tal-Unur fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu tar-Repubblika ta’ Malta.
F’Ateni, il-President Vella u s-Sinjura Vella ngħataw merħba sabiħa mill-komunità Maltija fil-Greċja. Il-President faħħar lill-komunità Maltija talli żżomm ħajja l-identità Maltija. “Nittama li intom ukoll tgħaddu dan l-istess sens ta’ kburija u appartenenza għall-gżejjer Maltin lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. Żommu t-tradizzjonijiet tagħna billi tiltaqgħu soċjalment biex tfakkru festi nazzjonali jew reliġjużi, u żommu l-kuntatti bejnietkom, anke sempliċiment permezz tal-midja soċjali,” qal il-President Vella filwaqt li ħeġġiġhom ukoll biex iżuru Malta biex jagħtu l-ħajja lill-għeruq tal-identità Maltija tagħhom.
Il-President Vella poġġa wkoll il-fjuri fuq il-Qabar tas-Suldat Mhux Magħruf fil-Pjazza Syntagma f’Ateni ad unur is-suldati Griegi li nqatlu fil-gwerra u żar il-Mużew Biżantin u Kristjan.
Il-President huwa akkumpanjat mis-Sinjura Miriam Vella. Id-delegazzjoni Maltija tinkludi lill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Id-delegazzjoni Maltija terġa’ lura Malta għada.




