Ir-Raġel tal-President

 

Mr Preca

Is-Sur Edgar Preca twieled il-Belt Valletta nhar it-2 ta’ Lulju 1956, iben Francis Xavier Preca u Vinċenza neè Sammut.

Huwa beda l-edukazzjoni primarja fl-iskola tas-sorijiet tal-Pilar, il-Belt Valletta u aktar tard fl-iskola tal-Baviera.

Għamel l-istudju sekondarju fil-Liċeo tal-Ħamrun fejn kompla s-Sixth Form fl-Upper Secondary, il-Belt Valletta.

Fil-familja qegħdin tliet aħwa. Fil-fatt huwa ż-żgħir wara żewġt ibniet u minn dejjem kien il-pilastru tal-familja. Huwa baqa’ jieħu ħsieb ommu għal snin twal sal-aħħar. Is-Sur Preca jgħid li għalkemm kien perjodu diffiċli ħafna f’ħajtu, ikun lest li jerġa’ jagħmilha għal darb’oħra u dan għax kienet tagħtu sodisfazzjon kbir f’ħajtu.

Fis-6 ta’ Frar 1978, kien daħal bħala skrivan mal-kumpanija nazzjonali tal-ajru Air Malta, minn fejn irtira bħalaAssistant Manager f’Jannar 2012. Fil-karriera tiegħu fl-Air Malta huwa ħadem f’diversi sezzjonijiet u kien ukoll attiv ħafna fit-trejdjunjoniżmu. Fil-fatt kien rappreżentant tal-ħaddiema tal-Air Malta fil-General Workers Union.

Is-Sur Edgar Preca ltaqa’ man-Nutar Marie-Louise Coleiro f’attività tal-General Workers Union fl-2002. Huma żżewġu erba’ snin wara, fl-2006, u marru joqogħdu Ħal Balzan. Minn dak iż-żmien ’l hawn, speċjalment wara li spiċċa mix-xogħol, huwa kien ta’ għajnuna u sapport kontinwu għall-karriera li kellha l-mara tiegħu fil-politika.

Il-passatempi tas-Sur Preca jinkludu il-gastronomija, il-fotografija u jħobb jaqra rivisti internazzjonali biex dejjem iżomm ruħu aġġornat fl-isfera politika internazzjonali.

Kif jgħid is-Sur Edgar Preca, meta tkun mill-Belt Valletta, tkun tħobb dak kollu li hu Belti. Huwa dilettant tal-football u huwa supporter kbir tal-Valletta City Football Club kif ukoll tat-team Ingliż, Manchester United.

Il-ħajja tal-koppja Edgar u Marie-Louise nbidlet għalkollox fl-ewwel ftit xhur tas-sena 2014. Dan kien minħabba l-fatt li, preċiżament nhar il-Ġimgħa 4 ta’ April, 2014, in-Nutar Marie-Louise Coleiro Preca, wara li kienet ġiet nominata mill-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat bħala d-disa’ President ta’ Malta, ingħatat il-ġurament tal-ħatra.

Illum il-ġurnata, is-Sur Preca huwa impenjat bis-sħiħ f’attivitajiet filantropiċi li huma ferm għal qalbu. Fost impenji oħra, is-Sur Edgar Preca huwa Deputy Chairperson tal-Malta Community Chest Fund kif ukoll il-Patron tal-Malta Hospice Movement.