Rwol u Funzjoni

Delega tal-Prim Ministru

MOZZJONI DWAR IL-ĦATRA TA’ PRESIDENT TA’ MALTA

THE DEPUTY SPEAKER: Il-Prim Ministru.

ONOR. JOSEPH MUSCAT: Sur President, nipproponi li:

Billi skont id-dispożizzjoni tas-subartikolu (1) tal-artikolu 48 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta għandu jkun hemm President ta’ Malta li jiġi maħtur b’Riżoluzzjoni tal-Kamra tad-Deputati;

U billi skont is-subartikolu (3) tal-istess artikolu tal-Kostituzzjoni l-kariga ta’ President ta’ Malta ssir vakanti fl-4 ta’ April, 2014;

Għalhekk il-Kamra tad-Deputati bis-saħħa u għall-finijiet tal-imsemmi artikolu 48 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta tirrisolvi li taħtar lis-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca President ta’ Malta.

THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?

ONOR. SIMON BUSUTTIL: Nissekonda.

THE DEPUTY SPEAKER: Rimarki? Il-Prim Ministru.

ONOR. JOSEPH MUSCAT: Sur President, nemmen li llum qegħdin ngħixu mument storiku ieħor għal diversi raġunijiet. Nibda bl-aktar waħda li hija ovvja għal ħafna min-nies, u ċjoè l-fatt li l-Parlament għat-tielet darba biss fl-istorja tiegħu se jkun qed jivvota b’unanimità favur il-ħatra ta’ President tar-Repubblika. Għalhekk, irrid mill-ewwel nirringrazzja lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lill-Oppożizzjoni ta’ dan il-pass. Nifhem li mhuwiex wieħed sempliċi, anke għaliex il-persuna nnominata ġejja minn din in-naħa tal-Kamra, però kif nikkritikaw lil xulxin, kultant bla ħniena, jien l-ewwel wieħed li fejn ikun hemm pass tajjeb, nirrikonoxxih. (Onor. Membri: Hear, hear)

Naħseb li dak li qed jiġri llum huwa sinjal b’saħħtu ħafna. Madankollu rrid ngħid li s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca jistħoqqilha dan il-vot unanimu. Nemmen li ħames snin oħra se niġu hawnhekk u kif għamilna llum, fejn flimkien fraħna b’dak li għamel George Abela f’dawn il-ħames snin, nifirħu bix-xogħol kbir u forsi bla preċedent li se tkun għamlet.

Nemmen li n-nomina ta’ Marie Louise – ippermettuli li matul dan id-diskors nirreferi għaliha b’isimha kif nafuha aħna, mhux se noqgħod nirreferi għaliha bil-kunjom – tagħti sinjal b’saħħtu ta’ bidla għal pajjiżna. Nemmen li kien wasal iż-żmien – speċjalment fil-mument storiku li pajjiżna din is-sena qiegħed jiċċelebra l-35 sena minn Jum il-Ħelsien, għaxar snin mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Eworpea, l-40 sena ta’ Malta Repubblika u l-50 sena mill-Indipendenza, li hija ġrajja ta’ importanza enormi storika – li pajjiżna jibda juri li kapaċi joħroġ mir-raxxi politiċi tas-soltu u jinnomina persuna li hija differenti mill-predeċessuri tagħha. L-ewwel nett għax hija mara, u bl-eċċezzjoni tal-iSpeaker ta’ din il-Kamra maħtur fl-1996, dan il-pajjiż ilu 32 sena ma jkollu mara li tokkupa waħda mill-erba’ jew mill-ħames karigi kostituzzjonali tiegħu.

Naħseb li kien hemm bżonn li dan il-Parlament jaħtar mara fl-ogħla kariga tal-Istat, u qed nieħu pjaċir li din mhijiex biss għażla tal-Gvern imma hija għażla tal-Parlament. Forsi jkun hemm min jistaqsi: Dan huwa simboliżmu? Dawn huwa tokenism? Le, la huwa simboliżmu u lanqas tokenism, imma huwa rikonoxximent, u meta għad fadlilna bosta glass ceilings xi nkissru fil-politika, fin-negozju u fil-ħajja pubblika, il-ħatra ta’ President mara bla dubju ta’ xejn se tkun ta’ ispirazzjoni għat-tfajliet Maltin u Għawdxin li se jaraw f’Marie Louise role model.

Din il-ħatra hija differenti mhux biss għax Marie Louise hija mara, imma għaliex hija mara li għamlet l-għażliet tagħha bl-aktar mod ċar. L-ewwel nett insemmi l-politika. Seħbitna li għadha kif irriżenjat minn din il-Kamra daħlet fil-politika fi żmien xejn faċli. Kienet bdiet bħala Segretarju Ġenerali ta’ partit politiku u kienet l-ewwel mara li daħlet f’dak ir-rwol f’pajjiżna. Dak iż-żmien kien hawn tensjoni politika enormi fil-pajjiż u kien hawn irġiel li jibżgħu imma hi, ta’ tfajla li kienet, ma beżgħetx. Daħlet għal rwol kultant skabruż u, kif ġieli rrakkontat, għexet uħud mill-mumenti ta’ dwejjaq fl-istorja politika ta’ dan il-pajjiż, imma dejjem rat li l-affarijiet ma jippreċipitawx. Fil-fehma tiegħi dak kien mhux sempliċiment għaliex hija mara imma għaliex hija mara li ilha involuta fil-politika, u kienet involuta mhux bħala token iżda kellha rwol fid-deċiżjonijiet li ttieħdu f’uħud mill-aktar żmenijiet politikament diffiċli tal-istorja reċenti.

Marie Louise mhux biss hija omm, imma hija omm li għamlet l-għażliet tagħha. L-ewwel kellha l-wild tagħha u mbagħad iżżewġet. Tgħiduli: X’għandu x’jaqsam? Għalija għandu x’jaqsam ħafna għax qed tibgħat messaġġ lis-soċjetà ta’ mara li lesta li tieħu d-deċiżjonijiet tagħha u tal-fatt li m’hawnx sterjotip ta’ familja. Irridu nirrikonoxxu li s-soċjetà tagħna mhijiex soċjetà tal-kartolini fejn għandek il-missier, l-omm u mbagħad jiġu t-tfal. Fis-soċjetà tagħna għandek forom differenti. Jien nemmen li l-esperjenza personali li għandha Marie Louise tagħmilha sinjura u naħseb li minn hemmhekk ġej l-impenn soċjali tagħha li, fil-fehma tiegħi, huwa parti mir-ruħ tagħha.

Sur President, fil-fehma tiegħi din il-Presidenza għandha l-iskop ċar li tkun il-gwida morali mhux biss tal-Gvern u ta’ din il-Kamra iżda tal-pajjiż. Il-kelma “morali” kultant ikun hawn min jitfixkilha mar-reliġjon, però din m’għandhiex xi tip ta’ monopolju reliġjuż. Aħna nużaw il-kelma “morali” fis-sens ta’ dak li hemm bżonn li jsir, fis-sens li l-kuxjenza tagħna tniggiżna biex bħala pajjiż iġġibna f’sensina dwar ċerti issues.

Fis-sitt snin li ħdimt fil-qrib ma’ Marie Louise fil-grupp parlamentari u aktar u aktar f’din is-sena li ħdimt magħha bħala Membru tal-Kabinett tiegħi, lilha dejjem sibtha dik il-persuna li tniggeż il-kuxjenza u li lesta tgħid il-veritajiet skomdi, titkellem dwar il-minoranzi u min m’għandux leħen. Kulħadd jaf li jien u hi mhux dejjem qbilna, u nistqarr li kien hemm waqtiet fejn forsi konna fuq naħat ta’ ħsieb differenti, imma fiha dejjem sibt persuna li taf fejn qiegħed magħha, li tilgħab fair u li l-kredenzjali demokratiċi tagħha huma superjuri għal kollox. Għalhekk, jien kburi li qiegħed inressaq din in-nomina u nemmen li bl-għodda li nagħtuha, Marie Louise se tixpruna bidliet kbar fil-mod ta’ kif is-soċjetà taħdem.

Għamel sew il-Kap tal-Oppożizjzoni li sellem lis-Sinjura Margaret Abela. Bi żvista m’għamiltx hekk, però nsellmulha aħna wkoll u nsellem lis-Sur Edgar Preca, ir-raġel ta’ Marie Louise. Huwa se jżanżan rwol ġdid għax qatt ma kien hawn sitwazzjoni fejn kellna r-raġel tal-President ta’ Malta. Naħseb li għandu sfida kbira u se jkollu bżonn appoġġ. Ċert li kapaċi u naf biċ-ċert li Edgar kien essenzjali sabiex Marie Louise waslet biex taċċetta l-proposta tiegħi li ssir President tar-Repubblika. Għalhekk, insellimlu minn qalbi.
Ippermettuli li nispiċċa billi nitkellem bħala mexxej tal-Partit Laburista. Il-Partit tilef pilastru. Il-Gvern tilef wieħed mill-aqwa Ministri li kellu u l-Partit Laburista tilef kalamita tal-voti! Darba ex Ministru Nazzjonalista kien qalli li Marie Louise Coleiro Preca is a walking social service department għax taf il-qasam tas-servizzi soċjali bl-amment, u mingħajr ma tirreferi għall-ebda karta tgħidlek eżatt xi jkun qed jiġri. Tlifna persuna li kienet hemmhekk fil-mument tal-bżonn u li dejjem tat mingħajr qatt ma ppretendiet xejn lura. Madankollu, ta’ dawn it-telfiet kollha naħseb li l-poplu ggwadanja dik li umilment ngħid li se tkun waħda mill-aqwa Presidenti tar-Repubblika li qatt kellna. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. SIMON BUSUTTIL: Sur President, kull min jemmen li l-President tar-Repubblika huwa u għandu jkun simbolu ta’ għaqda nazzjonali, għandu jagħti l-kontribut tiegħu sabiex il-President ikun jista’ jkun tassew simbolu ta’ din l-għaqda. L-Oppożizzjoni se tivvota favur il-ħatra ta’ Marie Louise Coleiro Preca bħala President tar-Repubblika għax aħna rridu nagħtu s-sehem tagħna biex din il-Presidenza tkun tassew tagħna lkoll, tal-poplu Malti u Għawdxi kollu u mhux ta’ parti minnu biss. Sal-lum Marie Louise Coleiro Preca għalina kienet membru tal-Partit Laburista u tal-Gvern Laburista, avversarju politiku, iżda mil-lum se tkun il-President tagħna wkoll u tagħna lkoll. (Onor. Membri: Hear, hear)

Aħna m’għandniex għalfejn niddubitaw li Marie Louise se tqum għal din l-okkażjoni u tonora l-pożizzjoni tagħha kif inhu mistenni u kif inhu xieraq. Se nagħtuha kull ċans biex tkun tista’ tagħmel dan u rridu nsaħħuha bil-vot u bl-appoġġ tagħna. Naturalment dan il-vot se jpoġġi fuqha r-responsabbiltà kbira li trodd lura l-fiduċja li qed nagħtuha matul il-Presidenza tagħha, però għandi fiduċja li se tagħraf tagħmel dan.

Sur President, għalkemm l-Oppożizzjoni se tivvota favur, ma nistax ma nsemmix il-mod kif wasalna għal din il-ħatra daparti tal-Gvern. Aħna nħossu li dan il-mod ma kienx wieħed tajjeb. In-nomina ma bnietx fuq l-esperjenza pożittiva li ġabet magħha l-Presidenza ta’ George Abela li kien nominat minn Gvern Nazzjonalista minkejja li kien ġej mill-kamp politiku Laburista. Din hija opportunità mitlufa. Barra minn hekk, kien hemm nuqqas serju, fil-fehma tagħna, ta’ rispett min-naħa tal-Gvern lejn l-Oppożizzjoni fil-mod kif saret in-nomina. Mhux biss il-Prim Ministru ma kkonsultax miegħi, kif wieħed kien jistenna li jagħmel, iżda infurmani biss wara li kulħadd kien ilu jaf b’din in-nomina. L-affarijiet mhux hekk għandhom isiru u l-Oppożizzjoni tistenna li l-Gvern jirrispettaha. Dan il-mod żgur li ma kienx stil ġdid ta’ politika jew jekk kien, allura żgur li ma kienx stil aħjar minn ta’ qabel. Dan imur direttament kontra dak li kien intqal fid-Diskors tal-President fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura:

“Bdejna kapitlu ġdid fl-istorja ta’ dan il-poplu. Iż-żmien tal-piki, tal-partiġjaniżmu, tal-arroganza fit-tmexxija, f’kull saff ta’ tmexxija, trid issir parti mill-passat. Dan se jkun Gvern li jħares li jibni l-futur, mhux li jikkopja l-passat. Dan se jkun Gvern li jmexxi b’umiltà u jkun lest li jieħu d-deċiżjonijiet.”.

Inħalli f’idejn in-nies li qegħdin jisimgħuna biex jiġġudikaw jekk dawn il-kliem sarux fatti! L-Oppożizzjoni se tirrispondi b’sinjal ta’ maturità u ta’ għaqda.

Aħna ma niddejqu xejn li s-sinjal ta’ rieda tajba nagħtuh aħna ladarba naqas li jagħtih il-Gvern. Hekk nifhem li għandha tkun Oppożizzjoni kostruttiva, jiġifieri tkun kostruttiva mhux biss bil-kliem iżda bil-fatti. L-istess Oppożizzjoni pożittiva għandha tkun pożittiva bil-fatti. U rrid nagħmilha ċara li għal li ġej, l-Oppożizzjoni se tistenna li l-Gvern jaħdem magħha b’rispett u jekk irid l-appoġġ tagħha allura għandu jaħdem għalih u mhux jieħdu for granted.

Sur President, se ngħid kelma dwar il-funzjonijiet ġodda li l-Prim Ministru ħabbar li se jgħaddi lill-President fl-istess jum li tħabbret in-nomina tagħha. L-Oppożizzjoni temmen li r-rwol tal-Presidenza m’għandux jiġi mibdul jew ridefinit mill-Prim Ministru. Ir-rwol tal-President huwa miktub fil-Kostituzzjoni, u l-Kostituzzjoni tista’ tinbidel minn dan il-Parlament u mhux mill-Prim Ministru. Barra minn hekk, il-President huwa s-simbolu tal-Istat Malti, huwa garanzija għar-rispett lejn il-Kostituzzjoni u lejn is-separazzjoni tas-setgħat bejn il-leġiżlattiv, l-eżekuttiv u l-ġudizzjarju. Il-President huwa l-garanzija taċ-checks and balances ta’ kull min għandu l-poter. Għalhekk, kull poter ġdid li jgħaddi għand il-President għandu jkun sanċit minn din il-Kamra u mhux jiġi mgħoddi mill-Gvern. Dan ir-rwol m’għandniex inpoġġuh f’riskju.

L-Oppożizzjoni temmen li r-rwol tal-President m’għandux jinbidel mingħajr il-kunsens ta’ din il-Kamra u żgur li l-pożizzjoni ta’ President tar-Repubblika għandha tinżamm ħielsa minn kull poter ta’ natura eżekuttiva u ħielsa minn kull kontorversja ta’ natura partiġjana li jġibu magħhom funzjonijiet li huma jew jixbhu r-rwol tal-eżekuttiv. Għaldaqstant l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-funzjonijiet ġodda li l-Prim Ministru ħabbar li għandu jkollha l-President fil-jum meta tħabbret in-nomina. Aħna nħossu li kull tibdil fir-rwol u l-funzjonijiet tal-President – u aħna miftuħin għal tibdil – għandu jsir biss wara proċess ta’ tibdil kostituzzjonali. (Onor. Membri: Hear, hear)

Nagħlaq billi ngħid li l-Oppożizzjoni se tivvota favur din in-nomina. Din hija l-ewwel Oppożizzjoni fl-istorja ta’ pajjiżna li se tivvota favur nomina ta’ President li ġej mill-kamp politiku oppost. F’dan is-sens, l-Oppożizzjoni trid tkun ta’ eżempju għall-għaqda nazzjonali, u l-ġest tagħna li nogħlew ʼil fuq mill-politika partiġjana qed nagħmluh bil-qalb, b’awtentiċità u aħna kburin li qegħdin nagħmluh. B’vuċi waħda l-membri kollha tal-Oppożizzjoni se jingħaqdu wara l-President il-ġdid tagħna, Marie Louise Coleiro Preca. Filwaqt li nawgurawlha li jkollha suċċess bħal dawk kollha li ġew qabilha, inwegħduha li se nagħtuha l-appoġġ tagħna sabiex taqdi l-funzjoni tagħha fl-aħjar abbiltajiet tagħha u tkompli sseddaq l-għaqda fost il-poplu Malti u Għawdxi bħala l-persuna li tokkupa l-ogħla kariga fil-pajjiż, il-kariga li hija s-simbolu tal-għaqda nazzjonali.

F’isem l-Oppożizzjoni nsellem lil Marie Louise Coleiro Preca u nsellem ukoll lir-raġel tagħha, Edgar Preca, u nawguralhom il-ħidma t-tajba. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-mozzjoni kif imressqa u moqrija mill-Prim Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.

Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
THE DEPUTY SPEAKER: Skont ftehim milħuq fil-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra tal-11 ta’ Marzu 2014, is-seduta se tiġi aġġornata minnufih. Għaldaqstant insejjaħ lill-Ministru Joe Mizzi, biex jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament tal-Kamra.