The President of Malta

Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi jieħu l-ġurament bħala t-tieni Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi ħa l-ġurament tal-ħatra bħala t-tieni Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika waqt ċerimonja li tmexxiet mill-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

Il-President Vella rrimarka li lil hinn mill-każijiet individwali, il-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandha rwol kruċjali biex tkompli tiżviluppa l-kultura ta’ skrutinju, li hemm bżonn tissaħħaħ aktar fostna.

Waqt id-diskors tiegħu, il-President Vella fakkar li l-oqsma li se jopera fihom Dr Azzopardi bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika huma delikati u sensittivi għax iqarrbuh mill-viċin lejn ix-xena politika ta’ pajjiżna. “Fil-qadi tad-dmirijiet tiegħek, sabiex tiddetermina seħħewx atti illegali, abbużi tal-poter jew ksur tal-etika ser jintalbu minnek integrità u indipendenza assoluta, li jserrħu wkoll fuq stħarriġ dettaljat u fattwali,” qal il-President Vella.

Il-pedamenti u l-prospetti għal xogħol sfiq fil-futur qarib qegħdin hemm, grazzi għar-riżultati miksuba minn dan l-uffiċċju, żied jgħid il-President, waqt li għamel referenza għall-istudju li ppubblikat il-Kummissjoni Ewropea ftit tal-ġranet ilu bit-titlu Handbook of Good Practices in the Fight Against Corruption, li fl-ambitu tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tat-trasparenza fl-Unjoni Ewropea, isemmi b’mod pożittiv ħafna l-ħidma tal-Kummissarju għall-Istandards ta’ Malta.

“Jidher ukoll li l-uffiċċju kiseb rispett fuq livell internazzjonali hekk kif kemm il-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jirreferu għar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu minn żmien għal żmien. Dan kollu huwa ta’ ġieħ għat-tħaddim tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna,” osserva l-President Vella, waqt li awgura li x-xogħol fix-xhur u s-snin li ġejjin ikompli jibni b’mod kostanti fuq ir-riżultati u l-livelli li rajna s’issa.

Il-President Vella temm jgħid li meta l-parametri kontra kull abbuż ikunu stabbiliti u ċari, u l-infurzar ikun ekwu u b’saħħtu, wieħed iktar iħoss li jista’ jaqdi lil pajjiżu fil-qasam politiku mingħajr ebda biża’ u bis-serenità kollha.

Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ħatra kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, u l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.

Skip to content