Il-President George Vella radd ħajr lill-komunità Maltija f’Michigan, l-Istati Uniti, għall-mod kif baqgħu jżommu ħajjin il-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. “Lura Malta, aħna lkoll kburin bikom u l-kisbiet tagħkom”, qal il-President waqt li kien qed jindirizza lill-Maltin f’The Maltese American Community Club f’Dearborn u f’The Maltese American Benevolent Society f’Detroit.
Il-President Vella qal li t-tradizzjonijiet huma importanti għax iżommu l-għaqda fost il-komunità. Għaldaqstant, stqarr li tkun ħasra jekk l-użanzi Maltin jitilfu l-importanza tagħhom. “Jien ċert li intom se jirnexxilkom tibqgħu żżommuhom ħajjin, għaliex minkejja li tgħixu lil hinn minn xtutna, bqajtu Maltin f’qalbkom,” irrimarka l-President Vella, waqt li ħeġġiġhom biex jibqgħu magħqudin.
Fl-istat ta’ Michigan tgħix l-akbar komunità Maltija fl-Istati Uniti: aktar minn 13,000 persuna ta’ nisel Malti, ħafna minnhom it-tieni, it-tielet, u possibbilment anke r-raba’ ġenerazzjoni ta’ Maltin. Fid-diskors tiegħu, li fetaħ b’kelmtejn bil-Malti, il-President ħeġġeġ lill-Maltin biex fejn hu possibbli jibqgħu jikkomunikaw bejniethom bl-ilsien Malti, speċjalment mal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. “Il-lingwa tagħna hija teżor uniku li lkoll – intom inklużi – jeħtieġ li tibżgħu għalih”, appella l-President, waqt li stieden lill-komunità Maltija biex issegwi u tinvolvi ruħha fil-kampanja ‘l-ilsien Malti għal qalbi’.
Għal-laqgħat kien hemm preżenti l-Imħallef Rosemarie Aquilina, is-Senatur Darrin Camilleri, u l-Imħallef fil-Qorti Suprema ta’ Michigan Brian K. Zahra, ilkoll ta’ nisel Malti li għamlu isem għalihom infushom fil-qasam professjonali tagħhom. Il-President stqarr li tul iż-żminijiet, il-bżulija, il-qalb tajba, u d-determinazzjoni komplew jispikkaw fid-dijaspora Maltija, mhux fl-istat ta’ Michigan biss iżda madwar id-dinja kollha.
Il-komunità Maltija f’Michigan tiċċelebra Jum il-Wirt Malti Amerikan li twaqqaf b’riżoluzzjoni fuq l-inizjattiva tas-Senatur Darrin Camilleri.
Il-President Vella kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri.




