Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà

L-GHANIJIET

Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà għandha l-għan li tipproduċi riċerka relevanti, xierqa u fil-ħin billi tfittex metodoloġiji innovattivi sabiex tippromwovi l-paċi u l-unità fost is-soċjetà.

INTRODUZZJONI
Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà tirrikonoxxi l-fatt illi r-relazzjonijiet huma l-istruttura fundamentali tal-eżistenza tal-bniedem. Dawn ir-relazzjonijiet jistgħu jgħinu persuni u l-ambjent tagħhom sabiex jirnexxu jew jistgħu jkunu distruttivi. Il-Fondazzjoni tixtieq tagħti l-kontribut tagħha għall-Ġid tas-Soċjetà billi toħloq l-ispazju sabiex tisma’ u tifhem, tesplora, tiddiskuti, titgħallem u tagħmel riċerka dwar modi ta’ kif ittejjeb dawn ir-relazzjonijiet tal-bniedem sabiex jintlaqgħu l-ħtiġijiet tal-bniedem, filwaqt li tipprovdi opportunitajiet għal kull individwu biex jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu f’soċjetà li tkun inklussiva u li tipprovdi sapport. Il-Fondazzjoni trid tiffoka fuq is-sbuħija tal-eżistenza tal-bniedem anke meta tittappan minn sitwazzjonijiet diffiċli u ċirkostanzi tal-ħajja. Il-Fondazzjoni tfittex li tiżra’ t-tama, b’mod speċjali billi tinvolvi ruħha ma’ minoranzi jew gruppi emarġinati fost is-soċjetà tagħna u billi tnaqqas id-distakk mas-soċjetà ġenerali.

Il-Fondazzjoni tfittex li tħares in-natura unika ta’ kull individwu, komunità, soċjetà u pajjiż, filwaqt li tirrikonoxxi u tibni fuq dak li hu komuni u universali. Il-Fondazzjoni tinvolvi ruħha fi kwistjonijiet relatati mad-diversità u l-inklużjoni u prattiċi inklussivi, billi titgħallem fuq kwistjonijiet ta’ emarġinazzjoni u eslużjoni, kif ukoll fuq identitajiet. Dawn jinkludu l-identitajiet multipli u transnazzjonali li jidentifikaw ruħhom magħhom in-nies, u fl-istess ħin iżżomm l-identitajiet Maltin u Għawdxin permezz tal-bini ta’ relazzjonijiet u mhux f’iżolament. Il-Fondazzjoni tixtieq trawwem l-innovazzjoni u tfittex dak li jispira lin-nies sabiex jistimulaw l-immaġinazzjoni u l-kreattività sabiex ikollna soċjetà aħjar.

KONSULTAZZJONI
Il-punt tat-tluq ta’ kull impenn tal-Fondazzjoni huwa konsultazzjoni mal-pubbliku ġenerali, uffiċjali, atturi mhux-governattivi, akkademiċi u msieħba oħra. L-għan tal-Fondazzjoni huwa li taħdem mill-qrib mal-Forum tal-President permezz ta’ proċessi formali u informali u metodi xjentifiċi u mhux. Permezz tal-proċessi ta’ konsultazzjoi, il-Fondazzjoni hija motivata li tisma’ l-ideat, l-opinjonijiet u x-xewqat tan-nies infushom sabiex tidentifika l-ħtiġijiet tar-riċerka u temi importanti għan-nies infushom u tkun iggwidata mill-prijoritajiet tagħhom. Għalhekk, ir-riċerka hija mmexxija mill-proċess ta’ konsultazzjoni nnifsu.

Il-Fondazzjoni timmira li toħloq spazju san għad-djalogu, għall-parteċipazzjoni u għall-inklużjoni. Tfittex ukoll l-għerf, inkluż dak li hu popolari u tradizzjonali. Il-Fondazzjoni tfittex modi innovattivi ta’ kif ikollha djalogu man-nies sabiex tippromwovi u tistimula lis-soċjetà, tiskopri forom ġodda ta’ espressjoni, b’mod partikolari dawk li jagħtu prominenza lin-narrattivi tagħhom stess. Il-Fondazzjoni taddotta approċċ minn isfel għal fuq fir-riċerka tagħha sabiex tiltaqa’ f’nofs triq fil-proċess.

RIĊERKA
Il-Fondazzjoni għandha l-libertà li tagħżel kwalunkwe metodu ta’ riċerka għal kull tema magħżula, iżda, kif intqal aktar ’il fuq, tfittex li tippromwovi approċċ ta’ parteċipazzjoni minn isfel għal fuq. Ladarba ssir ir-riċerka, ir-riżultati jgħaddu għand il-komunità, sabiex tagħti l-informazzjoni u tkun ta’ katalist għall-prattika u biex tgħin għal aktar riċerka. Il-kritika u l-analizi huma milqugħa u mħeġġa. Il-Fondazzjoni taqsam ir-riżultati tar-riċerka tagħha b’mod xieraq, relevanti u fil-ħin.
Il-Fondazzjoni tippromwovi wkoll proġetti tal-komunità permezz ta’ sejħiet miftuħa għal proposti ta’ proġetti. Timmira wkoll li taħdem mill-qrib mal-Premju tal-President għall-Kreattività għal sejħiet għal proposti fil-ġejjieni.

GĦELUQ
Permezz tax-xogħol tagħha ta’ konsultazzjoni u riċerka, il-Fondazzjoni trid tirrikonoxxi l-bżonnijiet u x-xewqat tan-nies u taħdem fuq dawk il-bżonnijiet u xewqat sabiex ix-xogħol tagħna jġib bidla u trasformazzjoni soċjali. L-għan tal-konsultazzjoni u r-riċerka ma’ għadd ta’ imsieħba huwa biex jinstabu modi demokratiċi u parteċipatorji ta’ kif jitkattar il-ġid tas-soċjetà filwaqt li tgħin il-koeżistenza paċifika.

Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà

L-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, uriet l-intenzjoni tagħha li twaqqaf fondazzjoni ddedikata għall-promozzjoni tal-ġid hekk kif ħadet il-kariga f’April 2014. Tim ewlieni ġie mwaqqaf sabiex jiżviluppa l-għanijiet u l-istatut għal dan l-iskop, u d-dokumentazzjoni proposta ntbagħtet lill-ogħla awtoritajiet għall-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom.

Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà ġiet imwaqqfa uffiċjalment mal-iffirmar tal-Istat tagħha fil-25 ta’ Ġunju 2014, fil-Palazz tal-President, fil-Belt Valletta, fil-preżenza ta’ Presidenti preċedenti, il-Prim Ministru, rappreżentant tal-Kap tal-Oppożizzjoni, iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokatika, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, l-Avukat Ġenerali u ħafna mistiedna distinti oħra.

Il-Fondazzjoni mal-ewwel bdiet ix-xogħol tagħha skont l-Istatut, filwaqt li ffukat fuq l-iżvilupp ta’ diversi kwistjonijiet loġistiċi. Ġew identifikati esperti sabiex imexxu entitajiet ta’ riċerka u fora u ġew mistiedna li jagħtu l-kontribut tagħhom u saru għadd ta’ laqgħat preliminari. Il-membri tat-Tim Ewlieni ħadmu fuq kull livell sabiex ġew stabbiliti l-istrutturi neċessarji biex jipprovdu l-qafas għall-ewwel ħidma tal-Fondazzjoni tal-President.

L-ewwel uffiċji tal-Fondazzjoni kienu fid-de Paule suite fil-Palazz ta’ San Anton u aktar tard ġew trasferiti temporanjament għal dawk li qabel kienu l-Exhibition Rooms. Lejn l-aħħar tal-2014, ġie identifikat post alternattiv fil-Palazz, u wara li saret rinnovazzjoni estensiva, il-Fondazzjoni mxiet għall-post il-ġdid f’Ġunju tal-2015.

Sa mit-twaqqif tagħha, il-Fondazzjoni tal-President iffukat fuq attivitajiet li jidentifikaw, ikattru u jippromwovu l-ġid ta’ kulħadd. Aktar informazzjoni fuq il-Fondazzjoni tinstab fuq is-sit www.pfws.org.mt