The President’s Trust

Min aħna?

Il-President’s Trust, li ġiet imwaqqfa fl-2015 mill-Eċċellenza Tagħha, Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, hija struttura li għandha fokus speċifiku.

L-għan tagħha hu li tgħin u tagħti sapport lil żgħażagħ li jkun għaddejjin minn sitwazzjonijiet partikolari.

Dan jinkiseb billi tittieħed azzjoni konkreta permezz ta’ inizjattivi u programmi li jimmiraw li jagħtu s-setgħa u sapport psikosoċjali lil gruppi vulnerabbli. Dan jirriżulta mir-rikonoxximent li hemm gruppi fis-soċjetà li qed joħorġu min-netwerks ta’ sigurtà eżistenti.

Kif taħdem?

Il-President’s Trust tiġbor flimkien nies tan-negozju, akkademiċi u professjonisti mill-qasam psikosoċjali magħrufa u ta’ esperjenza sabiex jagħmlu impatt reali u sinifikanti.

Il-President’s Trust topera fuq dimensjoni ta’ proġetti, fejn kull inizjattiva hija definita b’mod ċar, ibbażata fuq riċerka tajba, ikkwantifikata u ppjanata. B’hekk jiġi assigurat illi tolqot u tagħmel differenza fejn hemm nuqqasijet fis-servizzi u li tkun sostenibbli matul is-snin.

Peress li għandha qafas għal responsabbiltà soċjali korporattiva, it-Trust tippromwovi l-idea illi s-settur privat jikkontribwixxi għal dan il-għan speċifiku, ċoè, li tingħata għajnuna lil tfal u żgħażagħ, b’mod partikolari, sabiex ikunu jistgħu jieħdu kontroll ta’ ħajjithom u jtejbu s-sitwazzjoni tal-ħajja tagħhom. Dan is-settur jagħti sehem ukoll għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost il-popolazzjoni żagħżugħa tagħna. Dan jinvolvi rendikont lill-isponsers li jissapportjaw lil dawn l-inizjattivi u li t-Trust hija tant grata lejhom.

Sabiex tikseb il-miri tagħha, il-President’s Trust tidħol fi sħubija ma’ organizzazzjonijiet u għaqdiet kemm lokali, kif ukoll internazzjonali. Dan jassigura illi jkun hemm l-aħjar prattiċi u rispons effettiv lejn realtajiet soċjali.

Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tinsab fil-qalba tal-President’s Trust.