The President of Malta

Search
Close this search box.

“Is-Servizz Ċivili qiegħed hemm għaċ-ċittadin u mhux il-kontra” – il-President

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Servizz Pubbliku, il-President ta’ Malta George Vella stqarr li nkunu qed inaqqsu ħafna mill-valur tas-Servizz Pubbliku jekk inħarsu lejh biss mil-lat lokali u ninsew “il-kontribut li dan jagħti għall-ġid tal-komunità internazzjonali”. Il-President irrimarka li n-Nazzjonijiet Magħquda għarfuh sew dan il-kunċett u llum il-ġurnata jorbtu s-Servizz Pubbliku mal-kisba tas-17-il Mira għall-Iżvilupp Sostenibbli. Qal li dawn ivarjaw mit-tnaqqis tal-faqar, għall-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tkabbir ekonomiku ġust, il-ħarsien tal-ambjent, u l-effetti tat-tibdil fil-klima. “Meta tqis li għad fadal biss tmien snin, nindunaw kemm qegħdin tard u kemm għad hemm bżonn li jsir ħafna iktar xogħol biex inlaħħqu ma’ dak li ftehemna fuqu numru ta’ snin ilu”, qal il-President.

Il-President Vella żied li jrid jintlaħaq bilanċ bejn dawn il-miri u l-prijoritajiet immedjati bħalma huma t-taqlib fil-prezzijiet, fil-ħażniet u t-trasport internazzjonali minħabba l-effett tal-gwerra fl-Ukrajna. Dan sabiex il-ħidma li ilha għaddejja snin fuq din il-viżjoni globali għat-tul ma tintilifx jew titħarbat b’mod irreparabbli. Il-President qal lill-ogħla rappreżentanti tas-Servizz Pubbliku li fil-karigi tagħhom jistgħu jagħtu eżempju ta’ kif dan il-bilanċ jista’ jintlaħaq. Semma fost oħrajn kollaborazzjoni sħiħa mas-settur privat, ma’ korpi kostitwiti, għaqdiet mhux governattivi, u s-soċjetà ċivili.

B’rabta mal-funzjonijiet li Malta se tkun qed taqdi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda minn Jannar li ġej, il-President ħeġġeġ lill-ogħla rappreżentanti tas-Servizz Pubbliku biex ikomplu jibnu l-kuntatti u n-networks tagħhom ma’ kollegi barranin. Fisser din bħala ċirkostanza ideali biex il-profil internazzjonali ta’ Malta jkompli jiżdied.

Waqt li radd ħajr lill-impjegati u lill-ħaddiema kollha tas-Servizz Pubbliku, il-President Vella rrimarka li huma għandhom rwol siewi biex pajjiżna jibqa’ jmur għall-aħjar u jiġu mħarsa l-interessi taċ-ċittadini. “Il-kuntatt bejn l-uffiċjal pubbliku u ċ-ċittadin għandu sehem importanti ħafna li wieħed tassew japprezzah meta jiġu bżonnu, speċjalment f’mumenti ta’ diffikultà, fejn forsi l-proċeduri ma jkunux ċari, jew inkella fejn iċ-ċittadin ma jkunx familjari mas-sistemi diġitali”, qal il-President. L-uffiċjal, żied il-President, huwa l-qofol ta’ Settur Pubbliku dinamiku, effiċjenti u ġust.

Skip to content