The President of Malta

Search
Close this search box.

Isir il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu 2021 fil-Palazz Verdala b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Ġiet organizzata l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu fil-Palazz Verdala bil-għan li jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).

Dan l-avveniment annwali tradizzjonali sar f’verżjoni ridotta u b’konformità sħiħa mal-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-COVID-19. Għalkemm sar mingħajr żfin, kull min attenda gawda minn serata ta’ ikel u mużika pprovduta mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, kollox għal għan filantropiku.

Ic-Chairman tal-Kumitat Organizzativ, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata, irringrazzja lil kull min ta l-appoġġ tiegħu għall-edizzjoni tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu ta’ din is-sena, partikolarment lill-isponsors.

Min-naħa tiegħu, f’kelmtejn tal-okkażjoni, il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lill-poplu kollu li, minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-COVID-19, baqa’ juri solidarjetà lejn il-Malta Community Chest Fund Foundation u lejn kull assoċjazzjoni oħra ta’ volontarjat. Tkellem ukoll dwar kif din l-għajnuna hija kruċjali biex it-talbiet li jidħlu jibqgħu jintlaqgħu.

Il-President Vella rringrazzja wkoll lil kull min attenda għall-ballu ta’ din is-sena li fakkar li kienet l-unika attività annwali b’risq l-MCCFF li setgħet tittella’ fiċ-ċirkustanzi preżenti.

Huwa żied jirringrazzja wkoll lill-isponsors, lill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta u lil Cordia Ensemble.

Temm billi rringrazzja wkoll lill-Kumitat Organizzattiv li, minkejja r-restrizzjonijiet preżenti, għamlu l-edizzjoni ta’ din is-sena waħda ta’ suċċess.

Din kienet it-tielet edizzjoni organizzata taħt il-Presidenza tal-President George Vella u t-tieni waħda bir-restrizzjonijiet fil-kuntest tal-COVID-19.

Skip to content