The President of Malta

“It-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fl-aspetti kollha tal-ħajja jikkontribwixxi b’mod dirett għal dinja aktar demokratika, ġusta, u ekwa” – il-President George Vella

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Fuq stedina tal-President tal-Kosovo Vjosa Osmani-Sadriu, il-President ta’ Malta George Vella għamel diskors ewlieni fl-ewwel edizzjoni tal-“Women, Peace and Security Forum: Partnerships for Sustainable Peace” organizzat fi Pristina. Il-President Vella qal li jeħtieġ nagħrfu li t-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fl-aspetti kollha tal-ħajja jikkontribwixxi b’mod dirett għal dinja aktar demokratika, ġusta, u ekwa.

L-aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, qal il-President, hija waħda mill-prijoritajiet li ser ikollha Malta matul il-mandat tagħha ta’ sentejn fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jibda f’Jannar tal-2023. “Malta timmira li tkompli ssejjaħ għal progress fil-ħidma fuq din l-aġenda biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u sinifikanti tan-nisa fil-proċessi għall-paċi billi jitneħħew l-ostakli u l-preġudizzji soċjali, kulturali u politiċi. Il-parteċipazzjoni ugwali tagħhom fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet hija wkoll kwistjoni fundamentali ta’ drittijiet minbarra li hija fl-aħjar interessi tas-soċjetà inġenerali”, żied jgħid il-President.

Madankollu, il-President innota li s-sitwazzjoni fil-prattika hija differenti ħafna peress li għad hemm nuqqas kbir wisq ta’ rappreżentazzjoni tan-nisa fil-livelli li fihom jittieħdu d-deċiżjonijiet; in-nisa huma esposti għall-vjolenza u, f’ħafna ċirkustanzi, imċaħħda mill-edukazzjoni formali u mqiegħda f’sitwazzjonijiet l-aktar vulnerabbli.

Il-President Vella faħħar u rringrazzja lill-President tal-Kosovo talli ħadet l-inizjattiva li torganizza dan il-forum u tiġbor flimkien għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati differenti. “Sfortunatament, il-Kosovo hija familjari wisq mal-konsegwenzi devastanti li jġib miegħu l-konflitt, li jaffettwaw b’mod sproporzjonat lin-nisa u lill-bniet. Konvint li aħna lkoll miġburin hawnhekk ħerqana li nitgħallmu aktar mill-esperjenzi tagħkom f’dan ir-rigward”, qal il-President, filwaqt li żied jgħid li Malta temmen bis-sħiħ li huwa meħtieġ approċċ li jinvolvi lis-soċjetà kollha sabiex tiġi implimentata l-aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà.

“Nammiraw il-qawwa u l-kuraġġ tagħkom, u huwa l-obbligu tagħna, il-komunità internazzjonali, li nkomplu ngħinukom fil-ġlieda tagħkom biex tiżguraw il-benesseri tagħkom u dak tal-familji tagħkom”, qal il-President, waqt li kien qed jindirizza lin-nisa tal-Ukrajna preżenti għall-forum. Tkellem ukoll dwar ir-reżiljenza tan-nisa fl-Iran li qamu b’vuċi waħda kontra l-vjolenza brutali u r-ripressjoni.

Matul iż-żjara tiegħu fil-Kosovo, li tinkludi taħditiet uffiċjali mal-President Vjosa Osmani-Sadriu, il-Prim Ministru Albin Kurti u l-Ispeaker tal-Parlament Glauk Konjufca, il-President ta’ Malta huwa akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Skip to content