The President of Malta

Jissoktaw l-inizjattivi tal-President favur aktar apprezzament tal-wirt storiku

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Bħala parti mill-impenn tiegħu biex in-nies isiru jafu, jifhmu, u japprezzaw aktar il-kultura u l-istorja Maltija, il-President ta’ Malta George Vella qed jissokta bl-inizjattivi biex ikabbar l-aċċessibbiltà u l-għarfien tal-pubbliku dwar it-tliet binjiet storiċi – il-Palazz tal-Belt, il-Palazz ta’ Sant’Anton, u lPalazz Verdala – li jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

Minn nhar il-Ħadd, f’kollaborazzjoni mal-fornitur tas-servizz tax-xandir nazzjonali, il-PBS, ilPresidenza se tniedi t-tieni sensiela ta’ Mill-Palazz, proġett medjatiku li se jibda jixxandar fuq TVM bil-ħsieb li jintroduċi l-Palazz Verdala lit-telespettaturi. L-ewwel sensiela, li xxandret bejn Ottubru 2020 u Ġunju 2021, kienet dwar il-Palazz ta’ Sant’Anton.

Mill-Palazz se jiċċelebra l-identità kulturali ta’ Malta b’modi varjati. Se jinqraw siltiet mil-letteratura Maltija – ispirati l-iktar mill-ambjent naturali – minn mistednin speċjali, inklużi l-awturi nfushom. Se jingħata spazju wkoll lill-għana tradizzjonali Maltija, ispirat mill-kontenut tal-Palazz Verdala. Tradizzjonalment, l-għana kellha rwol prominenti fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Imnarja li kienu jsiru viċin, fil-Buskett, fil-festa tal-Appostli San Pietru u San Pawl.

Il-Palazz Verdala nbena mill-Gran Mastru l-Kardinal Hugh Loubenx de Verdalle madwar is-sena 1580. Fis-sensiela l-ġdida, il-Palazz innifsu se jeħodna lura fiż-żmien, jaqsam memorji ta’ viżitaturi u vjaġġaturi miż-żminijiet mgħoddija, u jiffoka fuq stejjer u aneddoti li jispjegaw l-istorja tal-post miż-żminijiet tal-Ordni ta’ San Ġwann għal żmien l-Ingliżi saż-żminijiet tal-lum. L-istejjer irrakkontati mill-Palazz se jesploraw ukoll l-akkwati ta’ madwar il-Palazz, b’mod partikolari lBuskett, ħabitat naturali storiku li xi darba kien jintuża għall-kaċċa minn gran mastri suċċessivi.

President
Skip to content