L-Uffiċċju tal-President, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Għolja tar-Renju Unit, ser jorganizza Simpożju Kulturali dwar Malta u r-Renju Unit nhar l-Erbgħa 13 ta’ Settembru 2023, fil-Palazz ta’ Sant’Anton mid-9am sal-4pm.
Dan it-tielet simpożju mis-sensiela Simpożji Kulturali tal-Presidenza jġib l-isem “Evoking Memories, Shaping Futures” u għandu l-għan li jesplora r-relazzjoni politika, kulturali u istituzzjonali bejn Malta u r-Renju Unit. Is-sessjoni ta’ filgħodu tas-simpożju ser tiffoka fuq ir-relazzjonijiet diplomatiċi u l-legat u l-influwenza tal-mużika, il-moda u l-gastronomija Brittaniċi f’Malta. Is-sessjoni ta’ waranofsinhar ser tkun forum ta’ diskussjoni ma’ mexxejja żgħażagħ Maltin dwar kif it-temi taż-żgħażagħ u l-ambjent għandhom jitmexxew ’il quddiem mill-Commonwealth.
Is-simpożju ser jiġi indirizzat minn numru ta’ dinjitarji minn Malta, mir-Renju Unit u mill-Commonwealth. Il-President George Vella ser jattendi u jindirizza s-Simpożju.
Numru ta’ kelliema u riċerkaturi interessanti ser ikopru diversi aspetti tar-rabtiet storiċi u kulturali bejn ir-Renju Unit u r-Repubblika ta’ Malta. Ms Simone Azzopardi mid-Dipartiment tal-Istorja fl-Università ta’ Malta ser tagħmel introduzzjoni ġenerali dwar ir-relazzjonijiet storiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, il-Barunessa Patricia Scotland, ser taqsam il-fehmiet tagħha dwar iż-żgħażagħ, l-ambjent, il-klima, u l-inklużjoni f’messaġġ irrekordjat.
In-numru ta’ postijiet disponibbli huwa limitat. Kull min hu interessat jipparteċipa fis-sala jista’ jirreġistra billi jibgħat email fuq oprculturesymposia@gov.mt.
Ritratt: OPR
