The President of Malta

Search
Close this search box.

Jitnieda l-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu 2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu 2022 ser isir nhar is-Sibt 6 ta’ Awwissu fil-ġonna tal-Palazz Verdala.

Din se tkun ir-raba’ edizzjoni li qed tiġi organizzata taħt il-Presidenza tal-President George Vella.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz Verdala stess, iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Ballu, Daniel De Petri Testaferrata, fisser din l-attività bħala tradizzjoni li ilha ssir għal tul ta’ snin u li nżammet anke matul is-sentejn tal-pandemija.

Żied jgħid li l-Ballu jgħaqqadna f’sens ta’ kultura, divertiment u filantropija.

Il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lill-Markeżin de Petri Testaferrata u lill-bqija tal-membri tal-kumitat organizzattiv flimkien mal-isponsors li minn sena għall-oħra jagħtu l-appoġġ tagħhom.

Filwaqt li awgura li l-Ballu jkun ta’ suċċess, wara sentejn li matulhom sar skont ir-restrizzjonijiet u r-regolamenti marbuta mal-pandemija Covid-19, esprima x-xewqa li fuq kollox ikun hemm attendenza sodisfaċenti li permezz tagħha tingħata għajnuna lil dawk kollha fil-bżonn permezz ta’ The Malta Community Chest Fund Foundation.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw online mis-sit elettroniku www.augustmoonball.com

Skip to content