Johnston Busingye ppreżenta l-Ittri ta’ Kummissjoni tiegħu lill-President George Vella bħala Kummissarju Għoli tar-Rwanda għal Malta dalgħodu fil-Palazz tal-President, il-Belt.
Waqt li laqa’ lill-Kummissarju Għoli, il-President Vella qal li Malta tinsab ħerqana li tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni f’diversi oqsma mar-Rwanda. Osserva li sa mill-istabbiliment tar-relazzjonijiet diplomatiċi uffiċjali fl-2018, ġie rreġistrat progress f’dan il-perjodu ta’ żmien qasir. Irrefera għall-kummerċ, il-kooperazzjoni fuq il-vaċċini u l-kuntatti politiċi bħala eżempji tanġibbli u ta’ min ifaħħarhom.
Il-President Vella laqa’ s-sħubija li ilha għal żmien twil bejn l-UE u r-Rwanda li tiffoka fuq il-promozzjoni tal-governanza globali, l-iżvilupp inklussiv tar-Rwanda, kif ukoll iż-żieda fil-kummerċ u l-investiment bejn iż-żewġ partijiet. Feraħ ukoll lir-Rwanda għall-organizzazzjoni b’suċċess tal-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth fl-2022, li wriet tmexxija u impenn mill-aqwa bħala membru attiv tal-Commonwealth.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Għoli ta spjegazzjoni dettaljata tar-riformi fundamentali fis-setturi politiċi u ekonomiċi. Il-pajjiż issa ħalla l-passat imqalleb tiegħu warajh permezz tal-ħidma intensiva interna tiegħu u tal-appoġġ ipprovdut lill-pajjiż mis-sħab internazzjonali. Dwar kwistjonijiet bilaterali, il-Kummissarju Għoli nnota l-progress fil-konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku bejn iż-żewġ pajjiżi. L-Ambaxxatur irrefera għall-isforzi li qegħdin isiru mill-awtoritajiet Rwandiżi biex jitħares il-benesseri tal-migranti Rwandiżi li jgħaddu minn pajjiżi oħra, bl-assistenza tal-UNHCR.
Ritratti: OPR




