The President of Malta

Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm: ‘Li tagħti d-demm hu ġest nobbli ta’ solidarjetà. Ingħaqad m’oħrajn u salva ħajjet in-nies’, Il-Palazz Verdala, 14 ta’ Ġunju 2022

Żgur illi t-testimonjanzi li smajna, forsi veru, jistgħu jġibu xi demgħa, u jemozzjonawk, però mhix okkażjoni ta’ dwejjaq. Din okkażjoni ta’ ferħ. Okkażjoni fejn qegħdin nisimgħu min għamel użu mid-demm, kien qiegħed, kif ngħidu bil-Malti, imiss il-qiegħ, u għall-grazzja t’Alla llum il-ġurnata qegħdin hawnhekk wara dan iż-żmien kollu jgħidulna l-effett tajjeb li tathom it-trasfużjoni tad-demm.

U ħaġa oħra li laqtitni u rrid nirrimarka fuqha hija meta ntqal li meta tieħu d-demm ma tistaqsix jekk inti mal-Juventus, dan id-demm hux tal-Inter, jew inkella jekk inti aħdar, hux se jagħtihulek xi ħadd aħmar. M’hemmx kulur, m’hemmx razza u m’hemmx twemmin. Meta jkollok bżonnu, id-demm huwa kollu l-istess u min jiġi bżonnu ovvjament żgur ma jagħmilx distinzjoni. Però lanqas min jagħtih ma jagħmel kundizzjonijiet li dan irid jingħata lil xi ħadd partikolari jew mod ieħor.

U għalhekk jiena naħseb li din hija okkażjoni fejn għal darba oħra, wara żmien magħluqa minħabba l-Covid, għandna għaliex niċċelebraw u nieħdu gost. Nirringrazzja lil Philip li jibqa’ jsus – kieku tafu kemm jibgħat emails, allaħares ngħidilkom. Imma imsomma nieħdu paċenzja bih u naslu. Huwa pjaċir li nerġgħu niltaqgħu hawnhekk ħalli nagħtu ġieħ lid-donaturi tad-demm f’pajjiżna. Tajjeb li nfakkru li minkejja li l-pandemija ma ppermettitilniex li niltaqgħu, insellmu u nirringrazzjaw b’mod fiżiku lid-donaturi, il-bżonn tad-demm baqa’ għaddej, ma waqafx, minkejja kollox. U wisq anqas ma waqfu, għall-grazzja t’Alla, id-donazzjonijiet ta’ mijiet ta’ eluf ta’ boroż minn Maltin u Għawdxin li baqgħu jagħtu s-sostenn tagħhom lis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.

Jiena naħseb li dan l-appell li qed nagħmlu huwa importanti, bħalma qalet Steph, huwa tajjeb li ukoll qegħdin fuq it-televixin ħalli nilħqu ħafna iktar nies. Però jiena konvint li l-poplu Malti jaf id-dover tiegħu f’dan il-qasam u għalkemm ikollok fluttwazzjonijiet, daqqa jkollok iktar u daqqa jkollok inqas, però konvint li din hija xi ħaġa li qiegħda f’moħħ in-nies u konvint ukoll li ż-żgħażagħ tagħna u t-tfal tagħna fl-iskejjel li għandna, meta jikbru u jikbru l-ħin kollu bbumbardjati b’dan il-messaġġ tad-demm, ħa jkunu huma wkoll donaturi importanti ħafna.

U għalhekk, iċ-ċelebrazzjoni tal-lum qed isservi mhux biss bħala ringrazzjament lid-donaturi tas-sens altruwistiku tagħhom, iżda wkoll bħala rikonoxximent tal-qlubija u l-impenn ta’ kull wieħed u waħda minnhom, li ma beżgħux jagħtu d-demm anke meta forsi konna għaddejjin minn perjodu ta’ inċertezza u ta’ qtugħ ta’ qalb. Hemm min ta 150 darba, hemm min ta 100 darba – jiġifieri dawn huma nies li jibqgħu għaddejjin minkejja kollox.

Dawn in-nies baqgħu jagħrfu l-importanza tal-ġest tagħhom. L-għotja tat-tama tal-ħajja għall-pazjent li jkollu bżonn id-demm u għall-familja tiegħu hija l-messaġġ prinċipali li jrid joħroġ minn dawn il-laqgħat. Mhux qegħdin hawnhekk biex niftaħru bil-bravura: “Ara jien tajt 50, tajt 40”. L-importanti mhux kemm tagħti, l-importanti li l-messaġġ baqa’ għaddej dawn is-snin kollha. L-impenn baqa’ għaddej dawn is-snin kollha. Li tħoss li trid tmur jibqa’ għaddej dan iż-żmien kollu.

U bħalma tafu intom, min jagħti d-demm isir parti minnu. Meta wieħed b’mod volontarju u bla ħafna daqq ta’ trombi u bla ma jistenna ħlas imur jagħmel dan il-ġest, ikun qiegħed jagħmel att volontarju nobbli immens. U jiena kburi ngħid li f’pajjiżna għandna għadd kbir li huma donaturi regolari. Dawn ma jistennewx li jiġu mgħajta biex imorru jagħtu d-demm, iżda minn jeddhom imorru fiċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.

Għadna kif smajna rakkonti emozzjonanti ta’ fejqan u ħelsien minn ħalq il-mewt. Dawn huma ftit mill-ħafna stejjer ta’ suċċess, stejjer ta’ nies li kieku ma kienx għad-donaturi tad-demm, kieku żgur li ma kienx ikollkom ċans għall-fejqan, ħajja mill-ġdid, futur mimli ħolm quddiemhom u li jkunu magħna llum hawnhekk biex jgħidulna minn xiex għaddew.

Illum dawn il-persuni kellhom l-okkażjoni tad-deheb li jgħidu grazzi lid-donaturi wiċċ imb wiċċ bla ma jafu ovvjament li d-demm li ħadu dak iż-żmien kollu mingħand min ġie u minn fejn ġie. Iżda għal raġunijiet ovvji dan mhux possibbli li jgħidu grazzi lil min tahom id-demm. Qegħdin jgħidu grazzi lin-nazzjon kollu u l-poplu Malti kollu li f’din il-kwistjoni hija xi ħaġa li tgħaqqdu ħafna. U l-kelma tgħaqqdu nieħu pjaċir ngħidha għax bħalma tafu dejjem nisħaq fuq il-bżonn li jkun hemm iktar għaqda bejnna bħala poplu f’dan il-pajjiż.

Għaldaqstant jien minn hawn nixtieq nieħu l-opportunità biex inħeġġeġ lil dawk l-eluf ta’ pazjenti li ta’ kull sena jirċievu d-demm fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex, biex dawn jindirizzaw messaġġ ta’ ringrazzjament lid-donaturi tad-demm, messaġġ anonimu – bħalma huwa għoti anonimu min jagħti d-demm, min qed jirċevih ikun qed jirringrazzja b’mod anonimu lil dawk li taw id-demm – forsi f’forma ta’ kartolina, u jibagħtuha fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm, biex tkun esposta għad-donaturi tad-demm flimkien ma’ għexieren oħra preżenti. U dan jagħmel kuraġġ lil min imur hemmhekk, jgħid: “Jiena dan mhux qed nitfa’, kif ngħidu bil-Malti, f’bir bla qiegħ, hemm xi ħadd li qed jirrispondi u qed jirrikonoxxu l-bżonn u l-użu ta’ dan li qed nagħtu aħna”.

Fuq il-kartolina ma hemmx għalfejn wieħed jikteb id-dettalji personali u l-istorja ta’ ħajtu, però ftit sentenzi jkunu biżżejjed. L-importanti hu li d-donatur iħossu apprezzat – dan huwa l-messaġġ li nixtieq nagħmel jien. Sempliċiment grazzi fuq kartolina mingħand xi ħadd li rċieva d-demm.

Il-biċċa l-kbira tad-demm, bħalma għidna, jintuża għal ċertu kundizzjonijiet mediċi, operazzjonijiet u f’inċidenti.

Xtaqt hawnhekk nieħu l-okkażjoni biex nitkellem dwar l-inċidenti li niltaqgħu magħhom. Bħalma tafu, smajna diġà b’min kien qiegħed f’kura ta’ kanċer tad-demm, smajna min kien f’inċident ukoll u nista’ nassigurakom li l-inċidenti ħafna drabi huma l-iktar li jikkunsmaw demm. Meta għandek emorraġiji kbar.

Sfortunatament din is-sena seħħew ħafna mwiet u inċidenti fit-toroq tagħna. U iktar ma jiżdied it-traffiku, sfortunatament nistennew li se jkollna iktar minnhom dawn. Ir-regoli tat-triq u tas-sewqan qegħdin hemm biex iħarsuna u jiskansawna mill-gwaj. U nieħu din l-okkażjoni biex nappella biex dak li jkun flok jagħfas il-gass ħalli jasal 3 minuti qabel, jieħu paċenzja jsuq iktar bil-mod ħalli jkollu iktar kontroll fuq il-vettura. U dan mhux sempliċiment biex inkunu qed nobdu r-regolamenti, imma biex inħarsu l-ħajjiet ta’ ħafna nies u nevitaw li jkollna nies li jkorru. Smajna rakkont diġà x’fisser dan kollu għall-individwu u anki għall-familja tiegħu.

Bħalma għidt, f’inċidenti gravi, ħafna drabi l-ammonti ta’ demm li jintużaw huma xi ħaġa kbira.

Apparti hekk, inċident gravi, speċjalment jekk seta’ jiġi skansat, iħalli impatt fuq il-Bank u r-riserva tad-demm bil-konsegwenza li meta r-riserva tkun baxxa mhux l-ewwel darba li xi pazjenti, speċjalment dawk morda bil-kanċer, ikollhom jistennew xi ftit, forsi ġieli anke xi jiem sakemm jinqdew bi trasfużjonijiet tad-demm tant meħtieġa minnhom. U dawn ovvjament isegwu b’dawk l-għajtiet li jkun hemm li hemm bżonn it-tali tip ta’ demm biex dak li jkun imur u jagħti.

Sinjuri,

L-għoti tad-demm u l-prodotti tiegħu huwa ġest ta’ solidarjetà li jsalva l-ħajjiet. Għalhekk, Servizz li jipprovdi d-demm u l-prodotti tad-demm siguri huwa essenzjali għal kull sistema tal-kura tas-saħħa. Ma tistax timmaġina kura tas-saħħa bla ma jkollok moħħok mistrieħ fuq il-Bank tad-demm. Is-sinjur li qal li kien f’korriment semma meta kien beda l-Bank tad-demm fil-bidu. U hawnhekk insellem il-memorja tas-Sur Farrugia li kien fil-bidu fil-Bank tad-demm li kien ġestit mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta. Minn hemmhekk ’il quddiem baqa’ għaddej. Inċidentalment ta’ min ngħidilkom ukoll u ngħiduh bi ftaħir, li t-tifel tiegħu, illum il-ġurnata, huwa dak li jmexxi l-Mayo Clinic ġewwa l-Amerka. Għandu 37000 dipendent taħtu – it-tifel tat-tabib Pawlu Farrugia.

Naħseb biex nagħlaq billi nsellem lil dawk kollha u x-xogħol imprezzabbli kollu li jsir fiċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, li jagħti servizz kontinwu u professjonali. Is-sena li għaddiet kelli l-opportunità li nżur dan iċ-Ċentru u kont impressjonajt ruħi bl-ospitalità tal-ħaddiema, kemm fejn isiru t-trasfużjonijiet kif ukoll fil-laboratorji fejn jiġi ttestjat id-demm u fejn jinħadmu l-prodotti tad-demm. U hawnhekk irrid nagħmel messaġġ li meta tagħti d-demm ma jfissirx ipoġġu d-demm fil-borża, jaqbdu l-borża u jmorru jagħtuha. L-ammont ta’ xogħol li jsir biex jeżaminaw, biex jivverifikaw, biex ikunu ċerti x’qed jagħtu lill-pazjent, huwa xi ħaġa li jidħol ħafna studju fiha u ħafna testijiet u ħafna expertise minn nies li qegħdin speċjalizzati proprju f’dan ix-xogħol ħalli dak li jkun qed jieħu d-demm jaf li mhux qed jieħu demm, allaħares qatt, imniġġes jew li jġorr ċertu affarijiet, imma jkun demm li jkun adattat għaċ-ċirkostanzi li jkollu.

Minn hawn irrid nagħmel appell lil dawk kollha f’saħħithom sabiex jersqu lejn iċ-Ċentru u jsiru donaturi regolari. Bis-saħħa tagħkom u bil-ħidma tagħhom niżguraw li kull pazjent f’pajjiżna jinqeda bla dewmien.

Flimkien tipprovdu serħan tal-moħħ għal kura immedjata.

L-għoti tad-demm jgħin biex jissaħħu r-rabtiet soċjali u tinbena komunità li tagħder u tħoss għall-bżonn ta’ ħaddieħor.

Skip to content