Diskors tal-President Myriam Spiteri Debono fil-25 anniversarju tas-Soċjetà Kristu Sultan Paola u l-ftuħ uffiċjali tas-Sede
L-ewwel nett, jien nirringrazzja lid-diriġenti tal-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan Paola għal din l-istedina, li permezz tagħha wkoll qed nagħmel l-ewwel żjara f’Raħal Ġdid mill-ħatra tiegħi.
Hemm differenza bejn l-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan u soċjetajiet oħra. Għaliex? Għaliex il-Banda Paola ħarġet minn għaqda li bdiet bħala għaqda soċjali, filwaqt illi l-maġġoranza, kważi assoluta, tal-baned li għandna f’pajjiżna bdew bħala banda u mbagħad bdew jimirħu u jkunu attivi fil-lokalitajiet tagħhom bħala assoċjazzjonijiet soċjali.
Bdiet bħala għaqda taż-żgħażagħ, iż-Żgħażagħ Pawlisti, u dawn, 25 sena ilu, fettilhom illi b’ħafna dedikazzjoni jiffurmaw il-banda. Ġara iżda, illi meta ffurmaw il-banda ż-żgħażagħ Pawlisti, l-awtoritajiet ekkleżjastiċi kienu ddeċidew illi baned ġodda ma jeħdux sehem fil-festi titulari u fil-festi l-oħra. U ż-żgħażagħ Pawlisti, u jien nammira l-kumitat ta’ dak iż-żmien, din ma ħallewhiex issir ħuġġieġa – għalkemm anke niftakar mill-gazzetti ta’ dak iż-żmien, il-kwistjoni kienet anke qed tiġi ttrattata fil-gazzetti lokali – iżda baqgħu mixjin bil-għaqal sakemm meta fl-2015 il-Mons. Scicluna sar arċisqof, waslu fi ftehim u bdew jipparteċipaw fil-festa ta’ Kristu Sultan, il-patrun ta’ Casal Paola, bħala banda oħra tal-lokal.
Ovvjament, meta huma wara tant sagrifiċċji sabu dan l-intopp, huma ħassew li qisu qed isofru diskriminazzjoni. Għaliex? Għaliex id-digriet tal-Kurja kien illi baned ġodda ma setgħux jipparteċipaw fil-festi titulari, imma baned oħra, anke f’lokalitajiet fejn kien hemm tnejn, peress li kien ilhom hemm, dawn ma ntmissewx.
Imma jien l-aktar li impressjonajt ruħi huwa bil-mod, biex ngħid hekk, kawt u diplomatiku, li sakemm wasal il-ftehim formali fl-2015, iż-żgħażagħ Pawlisti laħqu stiednu baned oħra għall-festa taħt l-isem Żgħażagħ Pawlisti, biex ma jinqalax ċertu inkwiet qawwi. U ta’ dan jien nirringrazzjahom u f’dan nara li l-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan fiha hemm elementi illi fir-raħal iġibu l-għaqda. U nnotajt ukoll li hawnhekk hawn mistednin mill-każin De Paule.
Jien l-appell tiegħi huwa wieħed: aħdmu għar-raħal, aħdmu għal-lokal, u aħdmu billi anke jekk intom taraw li hemm ċertu nuqqasijiet, jew tosservaw li hemm ċertu tbatijiet, speċjalment mal-Arċipriet u mal-kleru, araw kif dawn b’xi mod, fejn hemm bżonn li noħorġu l-id tal-għajnuna, din nagħmluha. U nappellalkom mill-qalb, speċjalment jekk tindunaw li jkun hemm każijiet soċjali, mhux bilfors mard, u li fir-raħal ikun qed jerfa’ rasu inkwiet li għandu x’jaqsam ma’ tbatijiet soċjali.
Jiena wkoll irrid nagħmel aċċenn li hawnhekk, wara l-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, għandkom issa Kunsill ġdid. U wkoll il-Kunsill nafu kemm hu importanti fir-raħal, biss ħadd ma jagħmel xejn waħdu, lanqas il-Kunsill. U biex fir-raħal ikun hawn it-trankwillità, biex fir-raħal ikun hawn dik li ngħidulha r-rieda illi timxu ’l quddiem flimkien, bejn l-għaqdiet kollha tar-raħal irid ikun hemm l-għaqda.
Jiena nagħlaq l-erba’ kelmiet li għamiltilkom billi lill-kumitat tal-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan nifirħilhom talli waslu biex għamlu benefikati fis-sit tagħhom u żejnu lil Raħal Ġdid b’monument ieħor li jixhed il-volontarjat, id-dedikazzjoni mingħajr ma jfittxu kumpens tan-nies tagħna, tal-Maltin.