Diskors tal-President Myriam Spiteri Debono waqt serata tat-30 anniversarju tal-Aġenzija Sedqa
Kelmtejn tal-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, waqt serata li ċċelebrat it-30 anniversarju mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa
Onorevoli Ministru,
Onorevoli Shadow Minister,
Sur Alfred Grixti,
Id-Direttur tas-Sedqa,
Sinjuri,
Din hija l-ewwel okkażjoni tiegħi li qiegħda llum hawnhekk magħkom. Taħbat ukoll it-30 anniversarju mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa.
L-Aġenzija Sedqa, bħalma smajna, twaqqfet fl-1994 u fit-twaqqif tagħha kien hemm qbil. Kien hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet, li għandna fit-tmexxija tal-pajjiż u l-parti l-oħra li taspira għat-tmexxija, u tul dawn it-30 sena t-tnejn li huma baqgħu li jridu jsostnu l-ġid li tagħmel din l-aġenzija u l-iskop illi twaqqfet għalih.
L-Aġenzija Sedqa forsi ħafna drabi nidentifikawha biss mal-kura terapewtika residenzjali. Biss tul dawn it-30 sena, l-Aġenzija fetħet ukoll il-ħidma tagħha u għandha ħafna friegħi. Ħafna friegħi li jagħmluha aktar aċċessibbli anke għal dawk illi jew ma jkunux lesti illi jkollhom il-programm residenzjali jew inkella ma jkunux iċ-ċirkostanzi tagħhom jippermettulhom li jmorru għall-programm residenzjali. U għandha wkoll fergħa illi tieħu ħsieb il-familji.
Ma nistgħux aħna noftmu lill-imġarrab mill-background tal-familja tiegħu, għaliex ħafna drabi l-familjari jkunu qegħdin isofru u jkunu qegħdin isofru ħafna, speċjalment f’dak il-perjodu fejn l-imġarrab fosthom, dak li jkun qiegħed jinkwetahom, dak li jkunu qegħdin iħossu għalih u jaraw illi jekk dan ma jibdilx it-triq se jsofri ħafna, dawn ikunu għadhom fi stat illi ma jkunux iridu jirrikonoxxu illi għandhom bżonn l-għajnuna. U l-familja, f’dak l-istadju, tbati ħafna.
Il-familja wkoll importanti fejn wara illi dak li jkun jirnexxilu jegħleb il-kilba, l-addizzjoni tal-vizzju u jkun induna li ġo fih għandu fil tal-azzar, illi għandu forza ġewwinija biex jiddeċiedi hu, imma xorta jrid ikun hemm dawk li jħobbuh illi jkomplu jagħtuh l-għajnuna.
Irridu nagħmlu ħilitna biex dawn illi jkunu ħadmu u jkun ħadem magħhom, anke diliġenti, ħaddiema, voluntiera, persuni speċjalizzati, dawn ma nitilfuhomx.
U fl-istess waqt, bħalma qal il-Ministru, irridu nagħmluha ċara illi min jogħtor irridu nerġgħu noħorġu jdejna biex jerġa’ jqum fuq saqajh; darba, tnejn, tlieta, erbgħa, m’hemmx limitu għal kemm aħna nippruvaw illi wieħed minna, waħda minna, nagħmluhom persuni sħaħ għall-ġid tagħhom u tas-soċjetà.
Jiena attendejt ukoll is-serata tal-Caritas, attendejt is-serata tal-OASI, u ħlief kliem ta’ ringrazzjament ma jidhirlix li għandi nagħmel f’dawn l-okkażjonijiet. U dan il-kliem ta’ ringrazzjament b’ebda mod ma jista’ jfisser dak illi nħoss jien u naf li hawn ħafna jħossu.
Imma ppermettuli nagħmel osservazzjoni waħda. Qisu dawn l-aħħar snin m’għadx hemm dik il-viżibilità, anke fil-media, fejn jingħata l-fokus fuq li din il-problema qiegħda magħna u għadha magħna. U dan fi żmien meta jidher illi dawk illi jistagħnew minn fuq il-gwaj tal-proxxmu, qegħdin joħolqu anke sustanzi ġodda ta’ addizzjoni u qed joħolqu wkoll mezzi oħra biex ixerrduhom, partikolarment fost iż-żgħażagħ.
U tkun forsi ħaġa sabiħa, imma trid tiġi minnhom, illi flimkien mas-Sedqa, l-assoċjazzjonijiet l-oħra bħall-Caritas u l-OASI, ikollhom front komuni. Imma nerġa’ ngħid, minnhom trid tiġi. U jekk dan iseħħ u nuru aktar front magħqud u naraw illi din qatt ma nagħtuha l-ġenb anke biex ikun hemm dejjem awareness tagħha nazzjonalment li jinħass, naħseb li jkun ta’ ġid kbir għas-soċjetà tagħna.
Min-naħa tal-Presidenza, kull bżonn li jkun hemm u li l-Presidenza tkun tista’ tagħti, ibqgħu fiż-żgur illi dan sa ssibuh.
Nirringrazzjakom ħafna.