The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika Franċiża, Sandrine Beatrice Michelle Lelong-Motta, l-Ambaxxatur tar-Repubblika taċ-Ċile, Ennio Augusto Vivaldi Véjar, u l-Kummissarju Għoli tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, Javed Ahmed Umrani, ippreżentaw l-ittri ta’ kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, fil-Palazz, il-Belt Valletta.

Waqt il-laqgħa li kellha magħhom, il-President Spiteri Debono ferħet lill-ambaxxaturi u lill-kummissarju għoli.

Fil-laqgħa mal-Ambaxxatriċi Franċiża, id-diskussjoni ffokat fuq ir-relazzjonijiet bilaterali u wkoll possibbiltajiet ta’ aktar investiment, filwaqt li jitkompla l-isforz taż-żewġ pajjiżi f’fora differenti għal dak li jolqot il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima u s-sitwazzjoni fl-Ewropa u fil-Mediterran.

L-ambaxxatur non-residenti taċ-Ċile tkellem dwar l-importanza tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi u anke dawk multilaterali, b’referenza għall-ħidma fin-Nazzjonijiet Uniti, fejn kemm Malta u kemm iċ-Ċile għandhom għal qalbhom il-valur tal-paċi u l-promozzjoni ta’ drittijiet fundamentali bħall-aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd. 

Il-kummissarju għoli mhux residenti tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan saħaq fuq l-importanza tar-relazzjoni li għandhom ma’ Malta, speċjalment f’kuntest fejn iż-żewġ pajjiżi qed jagħmlu ħidma tajba fl-isfond tal-Commonwealth, peress li ż-żewġ pajjiżi huma membri. Tkellem ukoll dwar il-preżenza ta’ dijaspora f’Malta u l-kontribut li jagħtu dawn il-persuni għas-soċjetà Maltija. 

Skip to content