The President of Malta

Search
Close this search box.

L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika ta’ Kuba Mirta Aurora Granda Averhoff tippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika ta’ Kuba Mirta Aurora Granda Averhoff, ippreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President George Vella fil-Palazz tal-Gran Mastru, fil-Belt Valletta.

Il-President laqa’ r-relazzjonijiet tajbin ħafna bejn Malta u Kuba minkejja d-distanza ġeografika li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi. Żied jgħid li hemm potenzjal kbir biex tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess komuni bħas-saħħa, il-kummerċ, il-kultura u l-kuntatti bejn il-popli. Fil-qasam tal-edukazzjoni, il-kooperazzjoni tista’ tkompli permezz ta’ entitajiet bħall-IMLI, l-ITS u l-UOM. Il-President Vella enfasizza l-appoġġ ta’ Malta għar-relazzjonijiet li ilhom għal żmien twil bejn l-UE u Kuba, fejn il-laqgħat ta’ djalogu politiku ta’ livell għoli bdew fl-2008, b’mod parallel mal-programmazzjoni tal-ewwel Strateġija ta’ Kooperazzjoni Bilaterali bejn l-UE u Kuba.

L-Ambaxxatriċi Mirta Aurora Granda Averhoff tat ħarsa ġenerali tal-impatt li għad għandu l-embargo fuq Kuba, b’mod speċjali fis-settur finanzjarju u dak bankarju. Minkejja d-diffikultajiet, l-awtoritajiet Kubani huma lesti li jistabbilixxu relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien. L-ambaxxatriċi spjegat li l-ekonomija żviluppat minn waħda bbażata fuq l-esportazzjoni għal waħda bbażata fuq is-servizzi u tistrieħ fuq it-turiżmu, is-servizzi tas-saħħa u t-teknoloġija bijomedika.

Skip to content