The President of Malta

L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika tal-Kolombja, Ligia Margarita Quessep Bitar, tippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika tal-Kolombja, Ligia Margarita Quessep Bitar, ippreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.

Il-President Vella rrimarka li fis-sebgħa u għoxrin sena mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, u minkejja d-distanza ġeografika, Malta u l-Kolombja bbenefikaw minn rabtiet eċċellenti mibnija fuq il-fiduċja u l-fehim reċiproku. Osserva li għad hemm potenzjal għaż-żieda fil-konnettività, għall-promozzjoni ta’ skambji interkulturali u għat-tisħiħ tal-kuntatti bejn il-popli.

Fuq skala usa’, Malta tistenna wkoll bil-ħerqa t-titjib tar-relazzjonijiet fil-livell reġjonali, b’mod partikolari permezz ta’ aktar kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja. In-negozjati li għaddejjin bħalissa biex jiġi stabbilit Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kolombja ser isaħħu aktar ir-rabtiet tan-negozju u kummerċjali tagħna. Malta ser tkompli tappoġġja r-rwol attiv tal-UE bil-għan li jitreġġgħu lura paċi u stabbiltà dejjiema mhux biss fil-Kolombja, iżda wkoll fl-Amerka Latina kollha.

L-Ambaxxatriċi Quessep Bitar tat ħarsa ġenerali lejn ir-riformi politiċi li għaddejjin bħalissa fil-Kolombja, bil-għan ewlieni li jitreġġgħu lura b’mod sħiħ il-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż kollu. Żiedet tgħid ukoll li r-rekords ċari fis-setturi tal-edukazzjoni u tas-saħħa jagħmlu lill-pajjiż kompetittiv ħafna fir-reġjun. Mil-lat kummerċjali, il-Kolombja tista’ tkun ta’ interess fejn tidħol l-importazzjoni ta’ injam, fjuri u kafè. Hemm interess kbir fl-istudju tal-Ingliż, b’Malta ssir destinazzjoni favorita fost studenti f’livelli differenti. L-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali li jinsab f’Malta huwa wkoll entità ta’ reputazzjoni tajba ħafna għall-professjonisti Kolombjani f’dan il-qasam.

Skip to content