The President of Malta

L-Ambaxxatriċi tar-Rumanija Gabriela Dancau tippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

L-Ambaxxatriċi tar-Rumanija Gabriela Dancau ppreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President George Vella fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta.

Waqt iċ-ċerimonja, l-Ambaxxatriċi fakkret fid-dettall ir-rabtiet storiċi, kulturali u artistiċi b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi. Irreferiet ukoll għall-komunità Rumena f’Malta u enfasizzat is-sodisfazzjon tagħhom li jistgħu jikkontribwixxu għall-inizjattivi ekonomiċi u l-attivitajiet soċjali ta’ Malta. L-Ambaxxatriċi tkellmet dwar ir-rapporti pożittivi li qasmu magħha n-negozji u l-imprendituri Rumeni dwar il-potenzjal bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-President Vella semma l-iżviluppi fil-qrib tar-Rumanija, l-aktar b’riżultat tal-gwerra fl-Ukrajna. Il-Moldova ssemmiet b’mod speċifiku fid-dawl tal-insigurtà li kibret fl-aħħar ftit jiem. Fir-rigward tal-Ukrajna, l-Ambaxxatriċi spjegat kif ir-Rumanija ilha pajjiż espost sa mill-ewwel jum tal-kunflitt, b’impatti severi ta’ natura ekonomika u fuq is-sigurtà. Kważi 3.6 miljun refuġjat Ukren qasmu l-fruntiera sa mill-bidu tal-gwerra sena ilu u għadha qiegħda tikkoopera fil-kunsinna ta’ konvojs umanitarji.

Skip to content