L-Ambaxxatur tan-Nepal, Gyan Chandra Acharya, ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta.
Il-President Vella osserva li minkejja d-distanzi, ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi ngħataw spinta f’dawn l-aħħar snin. Huwa rrefera għall-komunità Nepaliża mdaqqsa f’Malta, u qal li l-kontribut tagħhom għat-tkabbir ekonomiku u n-nisġa soċjali huwa apprezzat ferm. Il-President żied jgħid li Malta tappoġġja r-relazzjoni tal-UE man-Nepal permezz ta’ impenn reċiproku għall-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali. Huwa ħeġġeġ lill-Ambaxxatur javviċina istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ f’Malta matul il-mandat tiegħu.
L-Ambaxxatur Acharya ta ħarsa ġenerali tal-pjanijiet tiegħu biex jissaħħu r-relazzjonijiet ma’ Malta f’setturi partikolari, b’mod speċjali fl-edukazzjoni u t-turiżmu. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, in-Nepal iħares mill-qrib lejn kif is-settur tat-turiżmu f’Malta żviluppa b’suċċess tul is-snin. L-Ambaxxatur osserva li Malta u n-Nepal għandhom l-istess impenn qawwi ħafna lejn il-multilateraliżmu permezz ta’ inizjattivi u proġetti konkreti, b’mod speċjali fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti. Huwa faħħar lil Malta għall-ħidma li qiegħda twettaq matul il-mandat tagħha bħala Membru mhux Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li beda f’Jannar tal-2023.




