L-Ambaxxatur tar-Repubblika Arġentina, Roberto Manuel Carlés, ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.
Il-President laqa’ r-relazzjonijiet tajbin ħafna bejn Malta u l-Arġentina sa minn meta ġew stabbiliti formalment fl-1975. Il-President żied jgħid li minkejja d-distanza ġeografika kbira, Malta ħerqana li taħdem mal-Arġentina biex tapprofondixxi l-kooperazzjoni bilaterali eżistenti, kif ukoll issaħħaħ opportunitajiet ġodda b’mod partikolari fis-setturi tal-kummerċ u t-turiżmu. Minn perspettiva usa’, il-President Vella spjega li Malta tappoġġja aktar tisħiħ fir-relazzjonijiet bejn l-Arġentina u l-Unjoni Ewropea kif ukoll skambji aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew (CELAC).
L-Ambaxxatur Carlés elabora dwar il-pjanijiet tiegħu biex jitjiebu l-iskambji kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi, u qal li l-Arġentina qiegħda terġa’ tingħata r-rwol mill-komunità internazzjonali bħala fornitur ewlieni tal-ikel u tar-riżorsi tal-enerġija. Il-kredenzjali tal-Arġentina f’dawn iż-żewġ setturi ser jiġu diskussi mal-partijiet ikkonċernati f’Malta fix-xhur li ġejjin. L-Ambaxxatur informa wkoll lill-President li l-kooperazzjoni kulturali ma’ Malta ser tiġi indirizzata wkoll matul il-mandat tiegħu.
Matul id-diskussjoni tqajmu wkoll l-iżviluppi fl-Ukrajna u fil-Venezwela.




