L-Ambaxxatur tar-Repubblika Dominicana, Tony Raful Tejada, ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.
Filwaqt li laqa’ lill-Ambaxxatur għal Malta, il-President Vella qal li minkejja d-distanza ġeografika, Malta tapprezza r-rabtiet diplomatiċi kordjali mar-Repubblika Dominicana u tħares b’mod pożittiv lejn il-possibbiltà li jiġu esplorati oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni bilaterali. Ir-relazzjonijiet jistgħu jissaħħu wkoll permezz ta’ oqfsa ta’ kooperazzjoni reġjonali bħal dawk bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew u l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika UE-CARIFORUM. Il-President Vella rrefera għall-mandat li jmiss ta’ Malta bħala Membru mhux Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u enfasizza l-prijoritajiet li ser jiġu indirizzati matul il-perjodu 2023-2024.
L-Ambaxxatur Tejada esprima l-ħerqa tiegħu li jaħdem fuq arranġamenti u ftehimiet bilaterali effettivi li permezz tagħhom jistgħu jiġu strutturati r-relazzjonijiet ma’ Malta. Il-pożizzjoni ġeostrateġika ta’ Malta u l-wirt storiku u kulturali għani tagħha jistgħu jkunu ta’ interess kbir għal skambji kummerċjali u turistiċi. L-Ambaxxatur spjega li bħal Malta, is-settur turistiku huwa kontributur ewlieni tal-ekonomija ta’ pajjiżu u żied jgħid ukoll li ċ-ċifri tat-tkabbir ekonomiku huma fost dawk l-aktar inkoraġġanti fir-reġjun. L-Ambaxxatur elabora wkoll dwar ir-relazzjonijiet mal-Haiti, pajjiż ġar, fejn iffoka l-aktar fuq l-aspetti ta’ sigurtà u migrazzjoni.




