L-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Iraq Saywan Sabir Mustafa Barzani ppreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Il-President Vella wassal l-appoġġ ta’ Malta lill-Iraq hekk kif għadu għaddej il-proċess ta’ bini mill-ġdid tal-pajjiż, u esprima t-tama li jistgħu jiġu esplorati inizjattivi differenti sabiex jissaħħu r-rabtiet bilaterali. Filwaqt li enfasizza l-appoġġ għall-għaqda, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq, il-President Vella ħeġġeġ lill-Iraq ikompli bil-proċess ta’ riforma politika u ekonomika bl-għan ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-komponenti etniċi u reliġjużi differenti fl-Iraq, inkluż fil-gruppi ta’ minoranza tiegħu, u biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-aspirazzjonijiet ġenwini taċ-ċittadini.
L-Ambaxxatur Berzani esprima l-apprezzament tal-Iraq għall-appoġġ u l-assistenza tanġibbli pprovduta minn Malta lill-pajjiż u lill-poplu tiegħu biex jingħelbu l-effetti devastanti tal-invażjoni mid-Daesh. L-Ambaxxatur spjega li s-sitwazzjoni tjiebet ferm mill-2018, bis-saħħa tar-riformi mifruxa li għaddejjin bħalissa, kif ukoll tal-appoġġ li wasal minn sħab internazzjonali importanti bħall-Unjoni Ewropea.
Fil-qasam bilaterali, l-Ambaxxatur identifika s-saħħa, l-edukazzjoni u l-kultura bħala setturi ta’ prijorità fil-ħidma tiegħu matul dan il-mandat.



